L-Onor. Tonio Fenech, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, jagħmel żjara uffiċjali lid-Dipartiment tal-Kuntratti
L-Onor. Tonio Fenech, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, illum għamel żjara uffiċjali fid-Dipartiment tal-Kuntratti, liema żjara hija marbuta wkoll mal-preparazzjoni ta’ dan id-dipartiment għall-ħruġ u aġġudikazzjoni ta’ ‘tenders’ marbuta mal-‘budget’ tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013.
Tonio Fenech qal li l-Gvern ilu jipprepara għal dan il-Budget tal-Unjoni Ewropea, u ħafna drabi ssemma’ fl-aħbarijiet u fil-media kemm se tibbenefika Malta minn dan il-budget, kif ukoll fuq x’tip ta’ proġetti ser jintefqu dawn il-flus. Issa huwa magħruf li Malta se tibbenefika minn 805 miljun ewro. Il-Gvern għamel diversi konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati, inklużi l-korpi kostitwiti u l-pubbliku in ġenerali, sabiex jisma’ u jieħu idejat ta’ kif għandhom jintefqu dawn il-flus.
Is-Segretarju Parlamentari qal li, il-proċess li fih jiġu magħżula l-proġetti li fuqhom se jintefqu l-flus huwa importanti, iżda dan il-proċess jinkludi wkoll tħejjijiet oħra daqstant importanti li permezz tagħhom dan il-proċess ikun aktar effettiv u effiċjenti. Wieħed minn dawn huwa l-ħruġ ta’ tenders u l-aġġudikazzjoni tagħhom. Huwa propju għalhekk li d-Dipartiment tal-Kuntratti għaddej minn ħidma estensiva biex jiżgura li mill-1 ta’ Jannar 2007, inkunu nistgħu nużaw dawn il-flus bl-aħjar mod u bl-aktar mod effiċjenti.
Riċentement saru xi emendi fil-Public Contracts Regulations biex dawn jiġu konformi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll sar xi tibdil fil-Procurement Regulations tal-Gvern, sabiex it-thresholds għal ħruġ ta’ l-offerti (tenders) minn dipartimenti jew entitajiet tal-Gvern ikunu konformi ma’ dawk tal-Unjoni Ewropea.
Tonio Fenech semma’ wkoll li d-Dipartiment innifsu, permezz anke tal-impjegati tiegħu, qed jagħmel l-arranġamenti neċessarji biex ikun preparat għal dan l-influss fi ħruġ ta’ offerti (tenders).
L-istaff tad-Dipartiment qed jiġi ttrenjat fejn ikun hemm bżonn biex b’hekk l-‘expertise’ fil-qasam ta’ l-offerti (tenders) kbar tkun garantita. Id-dipartiment tal-kuntratti għandu madwar 40 impjegat preżentement li jippubblika medja ta’ 40 offerta fix-xahar. Matul l-2005 ġew aġġudikati 25 miljun Lira Maltin u 20 miljun ewro f’offerti (tenders), inklużi dawk il-proġetti co-finanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Matul iż-żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dipartiment tal-Kuntratti, l-Onor. Tonio Fenech iltaqa’ wkoll mal-ħaddiema tad-Dipartiment, kif ukoll mal-Kumitat tal-Kuntratti fejn iddiskuta aktar fid-dettal dawn il-bidliet li semma’.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958