Left arrow Go Back

Jitqassmu l-premjijiet u t-trofej lir-rebbieħa tal-Karnival 2006

pr0690
Date Icon 10/05/2006

Il-Karnival ta’ din  is-sena ġie ċċelebrat bejn l-24 u t-28 ta’ Frar, bil-parteċipazzjoni ta’ 37 kumpannija bejn baned, karrijiet trijionfali, maskeruni u kumpaniji bil-kostum. 

Nhar il-Erbgħa 1 ta’ Marzu, l-Kummissjoni Nazzjonali tal-Folklor fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, ħabbret ir-riżultati tal-kompetizzjonijiet għall-Karnival ta’ Malta 2006. B’kollox kien hemm 10 konkorsi li tnejn minnhom inqasmu f’żewġ konkorsi oħra filwaqt li  tnejn oħra nqasmu fi tliet konkorsi. Minbarra l-premjijiet ingħataw 10 trofej: erba’ għall-aħjar kumpannija f’sezzjonijiet A sa D; wieħed għall-aħjar banda fil-konkors Marċi Grotteski; erba’ għall-aħjar karru trijonfali f’Sezzjonijiet A sa D; u wieħed għall-aħjar sett ta’ maskeruni. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech ippreżenta l-premjijiet u t-trofej lill-kumpanniji rebbieħa. Hu qal li anke din is-sena l-Karnival kien ta’ livell għoli u kien suċċess. Hu qal li l-kumpaniji reġgħu għamlu ħilithom biex il-Karnival ikun wieħed brijuż u biex għall-poplu Malti u t-turisti li jżuruna l-jiem tal-Karnival ikunu jiem ta’ festa u allegrija. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din is-sena ġew organizzati żewġ attivitajiet fuq skala lokali: waħda f’Ħal Qormi b’Mass Band Parade u oħra f’San Ġiljan b’attivita’ għat-tfal. Hu qal li dawn iż-żewġ attivitajiet intlaqgħu tajjeb. Hu appella biex aktar lokalitajiet jorganizzaw attivitajiet karnivaleski fuq bażi lokali billi jikkupjaw lill-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Qormi u San Ġiljan, li b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni Folklor organizzaw dawn l-attivitajiet fil-lokalitajiet tagħhom. 

Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-kumpanniji li jipparteċipaw fil-karnival għas-sagrifiċċju li jagħmlu matul is-sena biex jibnu karrijiet artistiċi, maskri u marskeruni. Hu qal li magħhom xtaq jirringrazzja lill-qraba u voluntieri li jagħtuhom daqqa t’id għaliex mingħajr il-koperazzjoni bejn dawn id-dilettanti mimlija talenti, l-Karnival ma jsirx. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura kellu kliem ta’ ringrazzjament għall-isponsors. Hu qal li filwaqt li l-Gvern kien joħroġ il-flus kollha tal-premjijiet u kien jieħu ħsieb l-organizazzjoni tal-Karnival, speċjalment fil-belt Valletta u l-Furjana l-għajnuna finanzjarja li kienu jagħtu dawn l-isponsors kienet importanti u meħtieġa. Hu qal li din is-sena kien hemm 17-il sponsor li bejniethom ikkontribwew aktar minn Lm9,000. 

Il-Ministru Zammit Dimech feraħ lil kull min rebaħ premjijiet u trofej fil-Karnival ta’ din is-sena filwaqt li rringrazzja lill-parteċipanti kollha għas-sehem tagħhom biex il-Karnival 2006 seta’ jkun  suċċess.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow