DISKORS MILL-ONOR. TONIO FENECH, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-FINANŻI, WAQT KONFERENZA STAMPA DWAR SKEMA BIEX TINĊENTIVA ORGANIZZAZZJONIJIET VOLONTARJI U INTRAPRIŻI ŻGĦAR BIEX JAGĦMLU BINI EŻISTENTI AKTAR AĊĊESSIBBLI GĦAL KULĦADD
Fid-diskors tal-Budget, il-Prim Ministru ħabbar skema biex tikkonsolida aktar soċjeta inklusiva. Din l-iskema tapplika għal intrapriżi żgħar b’mhux aktar minn 10 impjegati, u għaqdiet mhux governattivi (NGOs). Il-Ministeru tal-Finanzi kkonsulta mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ (KNPD) matul il-proċess kollu li wassal għat-tfassil tal-parametri meħtieġa għall-amministrazzjoni ta’ l-iskema u għall-formola tal-applikazzjoni finali.
Dan huwa pass ieħor tal-Gvern biex b’mod prattiku jimplimenta l-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilita’) (LOI) fejn tidħol l-aċċessibilita’ fiżika. L-ewwel miżura kienet li l-applikanti kollha li kellhom proġett ‘ta’ użu maġġur’, jew modifikazzjoni maġġura, jiġu vvettjati mill-MEPA. It-tieni miżura issa hija li l-Gvern, b’mod tanġibbli, mhux biss jagħmilha ta’ regolatur, imma li jagħti inċentiv lil dawk li għandhom aktar diffikultajiet biex ikunu konformi ma’l-LOI.
B’din l-iskema l-Gvern qed jirrifondi sa massimu ta’ 10% lura fuq l-ispiża għall-installazzjoni ta’ lifts lill-intrapriżi żgħar b’mhux aktar minn 10 impjegati, u għaqdiet mhux governattivi (NGOs). B’dan il-mod din il-miżura mhux biss qed tgħin biex il-persuni b’diżabilita’ Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jipparteċipaw aktar fil-ħajja ta’ kuljum tas-soċjeta’ tagħna, imma wkoll turi l-impenn tal-Gvern favur l-intrapriżi żgħar u NGOs.
Jekk irridu verament niftħu d-dinja tax-xogħol għall-persuni b’diżabilita’ rridu nagħmlu aktar aċċessibbli l-intrapriżi żgħar, għaliex dawn huma f’maġġoranza u għalhekk għandhom il-potenzjal li jimpjegaw numru ta’ persuni b’diżabilita’. L-istess argument jgħodd fil-konfront tal-ħajja soċjali tal-persuni b’diżabilita’: meta l-binjiet parrokkjali u binjiet ta’ għaqdiet mhux governattivi jsiru aktar aċċessibbli, dan ifisser li s-soċjeta’ ċivili qed issir aktar aċċessibbli.
Tajjeb li wieħed ifakkar li postijiet li nbnew wara l-2000 huma regolati mill-Equal Opportunies (Persons with Disability) Act, 2000. Fil-fatt il-MEPA qeda toħroġ permessi għal żvilupp ta’ bini jekk kemm il-darba jkunu konformi ma’ linji gwida maħruġa taħt dan l-istess Att. Dawn il-linji gwida jirrikjedu li postijiet ġodda, jew bini li jkun se jsirlu xi tibdil strutturali fih, u li fihom il-pubbliku għandu jkollu aċċess, ikunu konformi mal-linji gwida ‘Access for All’ (maħruġin mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità) u jkollhom aċċessibilita totali (full accessibility) għal kulħadd. Bażikament, dan ifisser li binjiet b’aktar minn sular wieħed irid ikollhom installat lift b’aċċess għal wheelchair.
Il-proċess ta’ l-applikazzjoni għal din l-iskema, trid tinkludi mhux biss ċertifikat minn perit li l-installazzjoni tal-lift hija konformi mal-permessi maħruġa mill-MEPA, imma anke konferma mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita (KNPD) li l-lift ġie nstallat skond il-linji gwida msemmija qabel. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi fil-Ministeru tal-Finanzi.
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità wriet sodisfazzjon b’dan il-pass pożittiv. Il-KNPD qalet li din il-miżura għandha jkollha żewġ effetti prinċipali: minn naħa waħda titjib fil-kwalita’ ta’ ħajja tal-persuni b’diżabilita’ individwali, u min-naħa l-oħra, titjib fil-pajjiż kollu, għaliex b’hekk inkunu ħadna pass ieħor sinnifikanti lejn it-twettieq ta’ soċjeta’ inklusiva.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958