Left arrow Go Back

STQARRIJA KONĠUNTA MILL-ONOR. AUSTIN GATT, MINISTRU GĦALL-INVESTIMENT, INDUSTRIJA U TEKNOLOĠIJA TA’ L-INFORMATIKA U MILL-ONOR. EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAN-NEGOZJI ZGĦAR U SELF EMPLOYED, DWAR ID-DOKUMENT TAL-LABOUR PARTY DWAR L-INDUSTRIJA

pr0686
Date Icon 10/05/2006

Id-dokument ta’ 15-il faċċata (sebgħa minnhom introduzzjoni) li l-Partit Laburista qed isejjaħ ‘Pjan t’Azzjoni għall-Industrija’ ma jagħmilx suġġeriment wieħed ta’ x’azzjoni għandha tittieħed għall-ġid ta’ l-industrija. Minflok jillimita ruħu għal dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju li fuqhom jaqbel kulħadd u jevita l-kontroversja biex jipprova jogħġob ‘il kulħadd. Minflok, jispiċċa ma jogħġob ‘il ħadd għax ma joffri ebda idea ġdida. 

Dan hu dokument fjakk b’kontenut imqanżaħ u mingħajr imqar l-iċken sforz li jippreżenta ideat oriġinali jew alternattiva viabbli għall-politika tal-Gvern. Id-dokument m’għandu ebda forma ta’ analiżi tal-kuntest industrijali internazzjonali jew tal-qagħda ta’ l-industrija llum u ħarsa superfiċjali mgħammda bi preġudizzji politiċi u slogans retoriċi lejn ċifri li min jikkwotahom jidher ċar li ma jifhimhomx. 

M’hemm assolutament ebda idea ġdida f’dan id-dokument u ħafna drabi d-dokument jikkopja bla mistħija minn dokumenti tal-Gvern u tal-Malta Enterprise politika eżistenti mingħajr ma jirrikonoxxi s-sors jew mingħajr ma jispjega għalfejn fejn qabel il-Partit Laburista kien tant kritiku għall-politika tal-Gvern, issa addottaha bhallikieku  minn dejjem kienet politika tiegħu. 

Dan hu dokument li jsejjaħ lilu nnifsu pjan t’azzjoni, iżda la huwa pjan – għax kull ma’ hu, huwa lista ta’ xewqat vagi u dikjarazzjonijiet fil-prinċipju – u lanqas jirrakkomanda azzjonijiet. Kull ma jagħmel hu li jipprova ma jirfes il-kallu ta’ ħadd u jogħġob ‘il kulħadd,  billi jtappan is-sewwa magħruf kull fejn jista’. Jiġifieri li n-natura ta’ l-industrija f’Malta waslilha ż-żmien tal-bidla u x-xewqat u d-dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju m’humiex biż-żejjed biex ituha futur sostenibbli. 

Iżda aspett pożittiv ta’ dan id-dokument hu li fuq livell ta’ prinċipju, il-Partit Laburista jagħmel u-turns radikali u jidher li qed jabbanduna ħafna dikjarazzjonijiet li sa dan l-aħħar kien qed jagħmel il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni Laburista. Dan id-dokumenti juri li l-Partit Laburista aċċetta r-realtà li industriji antiki bħall-fabbriki tat-tessuti, m’għadx għandhom futur f’Malta u li hu inevitabbli li dawn jagħlqu u jagħtu posthom lil industriji ġodda ta’ aktar valur miżjud. Dan hu żvilupp pożittiv iżda jesponi għal darb’oħra l-ipokrezija ta’ l-Onor. Alfred Sant li jitkellem b’mod differenti skond min ikun qed jisimgħu. 

F’dan id-dokument (paġna 6), il-Partit Laburista għall-ewwel darba jikkonċedi li fabbriki tradizzjonali bħad-Denim, Lloyds Shoes u oħrajn li dwarhom kien qabel għamel ħafna kritika lill-Gvern, fil-fatt għalqu minħabba li “l-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ fuq, il-pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Lvant, u ċ-Ċina saru aktar popolari ma’ l-investitur fejn jiddetermina l-prezz baxx tax-xogħol ... Huwa fatt ukoll,” jgħid id-dokument, “li l-ispiża tax-xogħol f’Malta hi tali li ma nistgħux nikkompetu fis-setturi li konna qawwija fishom snin ilu.” Din hi l-ewwel darba li l-Partit Laburista irrikonoxxa li kieku kien hu fil-Gvern, id-Denim u fabbriki oħra bħalha xorta kienu jagħlqu. 

Il-Partit Laburista jgħaddi biex jikkritika r-rekord tal-Gvern fil-kisbiet ta’ investiment ġdid f’dawn l-aħħar snin. Id-dokument jinjora r-riżultati li nkisbu minn Mejju 2004 ‘l hawn, meta Malta ssieħbet l-Unjoni Ewropea u minn hemm bdiet sensiela ta’ investimenti ġodda u espansjonijiet ta’ stabbilimenti eżistenti. Matul dawn is-sentejn saru 46 investiment ġdid b’valur ta’ Lm54 miljun u 82 espansjoni ta’ stabbilimenti eżistenti b’investiment b’valur ta’ Lm35 miljun. 

Id-dokument minflok jisfrutta t-tnaqqis fl-investiment u l-iffriżar fit-tkabbir ta’ l-istabbilimenti eżistenti li seħħ fl-aħħar snin qabel is-sħubija fl-Unjoni Ewropea minħabba l-inċertezza li ħoloq il-Partit Laburista bir-reżistenza tiegħu għal dan l-iżvilupp tant importanti għall-industrija Maltija. 

Matul is-snin 1998 sa l-2003, il-Partit Laburista mexxa kampanja qawwija u mmobilizzata biex jipperswadi lill-Maltin jivvutaw kontra s-sħubija ta’ l-Unjoni Ewropea. Kull investitur li kellu mqar ftit għarfien ta’ x’kapaċi jagħmel l-Onor. Alfred Sant, kienu jafu li kif għamel fl-1996, kieku rebaħ l-elezzjoni ta’ l-2003 kien ikun perfettament kapaċi jbiddel id-deċiżjoni tal-poplu Malti u jwaqqaf is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. 

Din l-inċertezza politika għal ħafna snin ħassret lil Malta minn fuq il-lista ta’ l-investituri internazzjonali u attirathom minflok – bl-ammissjoni ta’ dan id-dokument Laburista stess – lejn il-kompetituri tagħna fl-Ewropa tal-Lvant li kienu qed iħejju għas-sħubija. 

Dan kien attakk konxju tal-Partit Laburista fuq l-ekonomija Maltija u din l-istrateġija qed tiġi ripetuta fil-kontroversja Maltija dwar l-introduzzjoni ta’ l-ewro. Il-Partit Laburista konxjament jaħdem biex jhedded u jgerrex l-investiment li jippreferi stabbilità politika minflok il-kontroversji kontinwi li jħawwel għal xejn l-Onor. Alfred Sant. 

Id-dokument jibda biex jidentifika dawk is-setturi li fil-fehma tiegħu għandhom futur fl-ekonomija Maltija. Ftit jista’ jkun hemm kontroversja fuq il-lista li jagħżel. Fil-fatt, tneħħi xi żidiet sorprendenti bħal “Produzzjoni tal-Melħ” u “Tiswija taż-Żraben” il-Partit Laburista jikkopja mill-istqarrijiet strateġiċi tal-Gvern il-lista tas-setturi fil-mira tal-Malta Enterprise u jħalli barra dawk is-setturi li dwarhom tant ikkritika lill-Gvern għax il-Gvern ma qishomx priorità. 

Fil-fatt il-Partit Laburista jħalli barra mill-eliġibilità għall-għajnuna dawk il-fabbriki eżistenti f’Malta li għall-Partit Laburista jistgħu jagħlqu għax m’għandhomx ċans jikkompetu f’setturi bħall-manifattura u l-proċessar ta’ l-ikel u x-xorb, it-tessuti, l-għamara, l-istampar u l-ġojjellerija. 

Dan qed jissemma m’hux għax m’hemmx qbil li setturi tradizzjonali bħall-manifattura tat-tessuti m’hux se jkollhom fil-fatt iħallu posthom għal setturi b’valur aktar miżjud, imam ghall-fatt li l-Partit Laburista, f’dokument li ma jaqrah ħadd, jammetti dawn il-fatti, iżda fid-diskorsi pubbliċi ta’ l-Onor. Alfred Sant u fil-media tal-Partit Laburista ssir kritika lill-Gvern għax jispjega l-istess fatti. 

Hemm kontradizzjoni espliċita bejn li tgħid li hemm setturi tal-manifattura f’Malta li m’għadhomx u ma jistgħux aktar ikunu kompetittivi u fl-istess nifs tippubblika dokument li tgħid li hu salvagwardja għall-manifattura eżistenti. Din il-kontradizzjoni ġejja mit-tensjoni bejn iż-żewġ awturi ta’ dan id-dokument. Fuq naħa l-awtur oriġinali li għandu l-buon sens li jammetti li l-manifattura tradizzjonali m’għandhiex futur f’Malta u l-Onor. Alfred Sant, l-editur ta’ dan id-dokument, li jrid jibqa’ konsistenti mal-kritika mingħajr ġustifikazzjoni li jattakka biha lill-Gvern.  Allura fuq naħa dan id-dokument jgħid li l-manifattura tradizzjonali m’għandhiex futur f’Malta u mill-oħra jgħid li l-Partit Laburista jrid jippreserva l-manifattura tradizzjonali f’Malta. 

Din il-kontradizzjoni fundamentali tagħmel dan id-dokument aktar inutli. 

Qed jigi hawn anness estratt tal-‘proposti’ kollha fid-dokument tal-Partit Laburista u t-tweġiba tal-Gvern għalihom. (Ara pr0686a) 

Ma jistax ikun hemm dubju li dan id-dokument tħejja bl-iskop li tinħoloq opportunità għall-Partit Laburista li jagħti x’jinftiehem li għandu ideat kif ser jagħmel l-oppost ta’ dak miktub fid-dokument tiegħu stess.  

Il-Partit Laburista jrid jgħid lill-ħaddiema f’fabbriki li m’għadhomx kompetittivi, li kieku kien hu fil-Gvern ma jkollhomx għalfejn jitħarrġu u jitgħallmu biex isibu impjiegi ġodda f’setturi aktar produttivi. Madankollu f’dokument li qed jittama li dawn il-ħaddiema ma jaqrawx, il-Partit Laburista qed jgħid li m’hemmx għażla oħra ħlief li dawn il-fabbriki jagħlqu. 

L-agħar hu li l-Partit Laburista hu għal kollox xott mill-ideat dwar x’għandu jsir biex titkattar attività ekonomika produttiva f’Malta. Anzi, jagħmel proposti li jfixklu dan it-tip t’investiment b’theddid espliċitu fuq l-awtonomija ta’ l-awtoritajiet monetarji, bil-posponiment ta’ l-introduzzjoni ta’ l-ewro u bi tħarbix ta’ prioritajiet li jpoġġi f’keffa waħda attivitajiet bħat-tikħil u t-tqegħid tal-madum u investimenti f’setturi speċjalizzati bħat-teknoloġija, il-farmaċewtika u ċ-ċinema. Imbagħad jipproponi numru ta’ kumitati biex “janalizzaw” il-problemi ta’ l-industrija u jitkellmu fuqhom. Wieħed kien jistenna mill-Partit Laburista li b’mod ħafna aktar konkret joħroġ bi proposti u b’azzjonijiet flok jgħid ‘il min ser ikellem biex jara x’għandu jagħmel. 

Li hu tajjeb hu li pajjiżna ma qgħadx jistenna lill-Partit Laburista jiddeċiedi jagħti kas is-settur industrijali u joħroġ b’dak li hu jsejjaħ pjan t’azzjoni li fit-tajjeb jikkopja dokumenti tal-Gvern u fil-ħażin iħammar wiċċ min kitbu. Pajjiżna għandu viżjoni ċara li qed tiġi implimentata minkejja r-reżistenza tal-Partit Laburista: kontra l-Unjoni Ewropea, kontra SmartCity@Malta, kontra l-ewro, kontra kollox. 

L-2,326 persuna li sabu impjieg ġdid fis-settur privat f’dawn l-aħħar sentejn mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea qed igawdu mill-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow