PROĠETT TA’ €400,000 F’TAĦRIĠ MILL-UE GĦAS-SETTUR TURISTIKU
L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu qed tniedi Programm ta’ Taħriġ għat-Turiżmu u Servizzi ta’ Appoġġ li għandu dawn il-miri:
• Li jkun żgurat li l-ħaddiema f’dan il-qasam jirċievu l-ogħla ammont ta’ taħriġ biex jagħmlu suċċess fil-qasam tagħhom, u hekk jiżguraw li l-ħaddiema fis-settur turistiku jibqgħu joffru l-aħjar servizz;
• Jiżviluppaw kultura ta’ tagħlim fl-industrja turistika b’attenzjoni speċjali għall-ħaddiema fis-servizzi ta’ appoġġ li għandhom impatt dirett fuq il-livell globali tas-servizz turistiku.
• Jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni f’dawn il-programmi ta’ taħriġ ta’ numru ta’ kategoriji ta’ impjegati li ma jirċevux t-taħriġ permezz ta’ programmi regolari edukattivi u ta’ taħriġ li ġeneralment jistgħu jipparteċipaw fihom ħaddiema fl-industrja.
Dawn il-programmi ta’ tagħlim għal tul il-ħajja u inklużjoni soċjali se jkunu appoġġjati minn fondi mill-Unjoni Ewropea. Il-proġett kollu jiswa 400,000 Euro li tliet kwarti minnhom se jiġu mill-UE.
Il-programm se jiġi amministrat u se jitwettaq għall-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, minn konsorzju ta’ taħriġ magħmul minn MISCO International, Optimum Results Ireland u JP Advertising.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech, fil-preżenza ta’ Romwald Lungaro Mifsud, Chairman Eżekuttiv ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, nieda dan il-proġett. Hu qal li l-ħtieġa li l-ħaddiema fis-settur turistiku u servizzi ta’ appoġġ turistiku jingħataw taħriġ u li jkun hemm żvilupp ta’ dawn ir-risorsi umani hu wieħed kostanti. Hu qal li jekk il-ħaddiema f’dan is-settur ma jinżammux aġġornati ma’ l-iżvilupp li jkun qed isir ma nkunux f’pożizzjoni li nikkompetu.
“Is-settur turistiku f’Malta jħaddem madwar kwart tal-Maltin kollha mpjegati bi qliegħ. Fost dawn hemm min beda jaħdem riċentament, iżda hemm min ilu mpjegat għal bosta snin. Filwaqt li l-ħaddiema kollha f’dan is-settur jridu jinżammu aġġornati ma’ dak kollu li jkun qed iseħħ fis-settur turistiku, nemmen li ħaddiema li ilhom ħafna jaħdmu fis-settur jeħtiġilhom ukoll li jingħataw taħriġ u tagħrif aġġornat biex inżommu għolja l-livelli ta’ servizzi li nagħtu litr-turisti” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li matul is-snin il-Gvern ħoloq infrastruttura biex ħaddiema fis-settur turistiku jingħataw it-tagħlim meħtieġ. Twaqqaf l-Istitut għall-Istudji Turistiċi li jħarreġ mijiet ta’ żgħażagħ fis-sena fl-oqsma kollha turistiċi. Numru konsiderevoli minn dawn l-istudenti jintbagħtu wkoll barra biex ikomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Studenti minn dan l-Istitut jissuktaw l-istudji tagħhom sew fl-MCAST kif ukoll fl-Università.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li hemm iżda numru ta’ ħaddiema fil-qasam turistiku li sfortunatament ma jipparteċipawx fi programmi ta’ taħriġ.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li taħt dan il-proġett, se jkun hemm ħames programmi:
• Programm dwar il-Kultura tas-Servizz;
• Programm dwar l-Aħjar Prattiċi;
• Programm dwar Taħriġ għal ‘Merħba’ f’Malta;
• Programm dwar Appoġġ għal Taħriġ lil SMEs u
• Studju dwar Tagħlim għal Tul il-Ħajja għas-Settur Turistiku.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien jemmen li programmi bħal dawn kienu jikkontribwixxu bis-sħiħ lejn il-kompetittività u biex is-servizz li jingħata t-turist ikun l-aħjar.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958