IL-PALAZZ TA’ VERDALA
Fl-okkażjoni tac-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Familja, l-Uffiċċju tal-President ta’ Malta għat-tieni sena konsekuttiva qed jistieden lill-familji Maltin sabiex iżuru l-Palazz ta’ Verdala u jgawdu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna.
L-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, bil-kollaborazzjoni ta’ Heritage Malta ser jorganizza attivita` nhar il-Ħadd, 21 ta’ Mejju 2006. Iż-żjara kulturali tibda fl-10.00 a.m. u tinkludi laqgħa mal-President ta’ Malta u s-Sinjura Fenech Adami.
Biljetti għal din l-attivita` jinkisbu mill-Uffiċċju Ċentrali ta’ Heritage Malta li jinsab fi Triq il-Merkanti, Valletta. Biljetti għall-adulti jiswew Lm1 il-wieħed filwaqt li dawk għall-anzjani u studenti jiswew 50ċ-il wieħed. Tfal taħt l-10 snin jidħlu b’xejn.
Massimu ta’ 150 persuna jistgħu jattendu u jinqasmu fi tlett gruppi. Il-biljetti jinxtraw u jinġabru sa mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Mejju 2006 sa l-4.00 p.m., jekk ma jkunux inbiegħu qabel. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mingħand Heritage Malta fuq in-numru tat-telefon 21 225 769, jew inkella bil-posta elettronika info@heritagemalta.org
Il-Palazz ta’ Verdala inbena mill-Perit Gerolamo Cassar fl-1586 għall-Gran Mastru Verdalle f’żona remota tal-Boschetto, fejn kien hemm wied mimli bis-siġar li kien jipprovdi għal żona tajba għall-kaċċa.
Meta l-Ingliżi waslu Malta fl-1800, il-Palazz intuża bħala ħabs u għal diversi snin wara tħalla fi stat ta’ abbandun sakemm il-Gvernatur Sir William Reid għamel xogħol estensiv ta’ restawr fl-1855.
Fl-1982, il-Palazz beda jintuża bħala residenza tal-gvern għall-Kapijiet ta’ Stat li jżuru Malta. Meta Paul Xuereb laħaq Aġent President, għażel il-Palazz ta’ Verdala bħala r-residenza uffiċjali tiegħu.
Il-Palazz bħalissa jintuża bħala r-residenza uffiċjali tas-sajf tal-President ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958