Left arrow Go Back

IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT GEORGE PULLICINO F’LAQGĦAT FIL-LIBJA

pr0671
Date Icon 05/05/2006

Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino mexxa delegazzjoni tal-Gvern Malti f’laqgħat fil-Libja.    

Id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet mal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Riżorsi ta’ l-Ilma tal-Libja Dr Abu-Bakr Mabrouk al-Mansouri. Preżenti għal-laqgħa plenarja, kien hemm ukoll Dr Abdel Hakim El Waer, Kap tal-Kumitat Nazzjonali għall-Ambjent u l-Ing. Hussein Ali Marii, Kap tal-Kumitat Nazzjonali għall-Investiment Marittimu.  Din il-laqgħa saret fl-isfond ta’ sensiela ta’ żjarat li qed isiru bejn Ministri taż-żewġ pajjiżi bil-għan li jkunu intensifikati r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.  Matul dawn il-laqgħat it-temi prinċipali li ġew diskussi ffukkaw fuq is-settur agrikolu, is-sajd u l-ambjent. 

Dwar il-koperazzjoni agrikola, kien hemm qbil li għandu jkun hemm assistenza teknika bejn iż-żewġ pajjiżi biex tkompli titħares l-importanza tal-prodotti tipiċi. Kien hemm qbil ukoll li jitwaqqaf kumitat tekniku biex jistudja opportunitajiet li jeżistu f’dan is-settur.  Dan il-kumitat għandu jfassal pjan ta’ azzjoni li jiffoka fuq numru ta’ prijoritajiet.  

Fil-qasam tas-sajd, il-Ministru Pullicino tkellem fuq l-importanza li l-pajjiżi tal-Mediterran għandhom jieħdu miżuri biex titħares is-sostennibiltà ta’ dan is-settur.  Il-Ministru Pullicino saħaq fuq il-fatt li ż-zona ta’ konservazzjoni kif stabbilita mill-Libja tħalli impatt fuq is-sajjieda Maltin. Din hija żona li tradizzjonalment dawn is-sajjieda dejjem użaw biex jistadu fiha.   Il-Ministru Pullicino aċċenna għall-fatt li s-sajjieda Maltin jużaw laneċ żgħar tas-sajd b’irkaptu tradizzjonali u għalhekk m’humiex ta’ periklu għas-sostenibilità taż-żona.  Hu elenka wkoll id-diffikultajitiet li jeżistu biex is-sajjieda lokali jkunu konvinti li għandhom jieqfu jistadu f’din iż-żona.   

Il-Ministru George Pullicino saħaq fuq l-importanza li jinstab arranġament li jiffaċilita s-sajd minn sajjieda Maltin f’din iż-żona.   Għal din il-proposta, iż-żewġ naħat qablu li għandhom jiġu eżaminati soluzzjonijiet li jinkludu joint ventures fis-sajd, li jagħtu vantaġġ lis-sajjieda taż-żewġ pajjiżi.   

Matul il-laqgħa ġie diskuss ukoll is-settur ambjentali bl-emfasi tingħata lill-problema ta’ tniġġiż fil-baħar Mediterran, minħabba l-vulnerabbiltà taż-żewġ pajjiżi.  Settur ieħor ambjentali diskuss kien dak tal-bio-diversità. 

Il-laqgħat kienu ferm kordjali u fi tmienhom il-Ministru Pullicino esprima x-xewqa tiegħu li jilqa’ lill-Ministru Libjan f’Malta iktar tard din is-sena biex jiġi ffirmat pjan ta’ azzjoni bilaterali.  Id-delegazzjoni Maltija f’dawn il-laqgħat kienet tinkludi wkoll lill-Ambaxxatur Malti għall-Libja Dr Joseph Cassar, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, Dr Philip von Brockdorff, id-Direttur Ġenerali tas-Sajd, Dr.Tony Gruppetta u d-Direttur għall-Politika u Inizjattivi Ambjentali, Dr.Chris Ciantar.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow