Jitfakkar il-50 anniversarju tal-promulgazzjoni tal-Ligi dwar is-Sigurta’ Socjali u l-Ligi dwar l-Assistenza Nazzjonali
Nhar il-Ħamis, 4 ta’ Mejju, bdew uffiċjalment iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħamsin anniversarju minn meta l-Parlament Malti għadda l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Att dwar l-Assistenza Nazzjonali.
L-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, fetħet wirja li biha ngħata bidu għall-programm ta’ attivitajiet imħejji għax-xahar ta’ Mejju. Il-Ministru Cristina qalet li “is-soċjetà Maltija u Għawdxija hija waħda mibnija fuq il-kunċett ta’ solidarjetà u inklużjoni soċjali. Aħna kburin ħafna b’dawn il-valuri. Id-diffikultajiet jistgħu jiġu fuq kulħadd, u huwa d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li għandu jagħraf dawn il-bżonnijiet u jindirizzhom.” Il-Ministru tat importanza lill-iżvilupp kontinwu ta’ dan id-Dipartiment tul dan l-aħħar nofs seklu u qalet li dan qatt ma jista’ jieqaf. “Għan-nom tal-Gvernijiet kollha tul is-snin u għan-nom tal-poplu Malti u Għawdxi, nirringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom biex dan id-Dipartiment seta’ jkun ta’ servizz għall-poplu tagħna.”
Is-Sur Joseph Camilleri, Direttur tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, qal li “f’dan iż-żmien li qed niċċelebraw il-50 sena mit-twaqqif tal-liġijiet soċjali ta’ pajjiżna, tajjeb li nħarsu lura matul dawn il-50 sena li fihom issawret il-Welfare State Maltija, mhux biex niċċelebraw biss, iżda biex nitgħallmu mill-istorja tas-sigurtà soċjali ta’ pajjiżna.”
Preżenti wkoll għall-ftuħ kien hemm is-Sur Joe Ebejer, Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, kif ukoll is-Sur Frederick Amato Gauci li kien id-Direttur ta’ dak li kien magħruf bħala d-Dipartiment ta’ l-Emigrazzjoni, Xogħol u Welfare Soċjali.
Il-wirja hija miftuħa għall-pubbliku tul ix-xahar ta’ Mejju fil-bitħa tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Palazzo Ferreria, Triq ir-Repubblika, il-belt Valletta. Din il-wirja toffri informazzjoni dwar l-istorja tas-sigurtà soċjali. Hemm ukoll gazzetti ta’ l-epoka u diversi oġġetti li kienu jintużaw f’dan id-Dipartiment tul is-snin. Il-leġislazzjoni, li kienet magħrufa bħala l-Att ta’ l-Assikurazzjoni Nazzjonali, ġiet fis-seħħ fl-1956 u bdiet tipprovdi benefiċċji finanzjarji lill-anzjani, lir-romol, lil min jiżżewweġ, lill-morda, lill-orfni, lin-nies bla xogħol u lil min iweġġa’ fuq il-post tax-xogħol. L-Att dwar l-Assistenza Soċjali li ġie fis-seħħ kmieni f’Ġunju ta’ l-1956, ipprovda għall-assistenza soċjali u medika, kemm finanzjarja u mhux.
Is-Sur Camilleri nieda wkoll il-fuljett bl-isem ta’ DSS Link, immirat lejn l-istaff tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Dan ser joħroġ erba’ darbiet fis-sena.
Is-Sur Camilleri tkellem dwar l-attivitajiet li ser isiru tul ix-xahar ta’ Mejju. Business seminar ta’ ġurnata ser ikun organizzat għall-istaff maniġerjali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali nhar il-25 ta’ Mejju 2006 fil-Lukanda Westin Dragonara, San Ġiljan. Il-programm ta’ attivitajiet jintemm b’50th Anniversary Celebratory Concert li ser jittella’ fil-Katidral ta’ l-Imdina, taħt il-patronċinju ta’ l-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, u bil-kollaborazzjoni tal-Kapitlu Metroplitan tal-Katidral ta’ l-Imdina. Fil-kunċert jipparteċipaw John Aquilina (orgni), Michael Pulis (tromba) u Jacqueline Micallef Grimaud (sopran). Dan il-kunċert huwa miftuħ għall-pubbliku u dettalji dwaru jitħabbru aktar ’il quddiem.
Fix-xahar ta’ Mejju, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se juża envelopes speċjali u l-istaff kollu tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se jirċievu tifkira ta’ din l-okkażjoni.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958