Promozzjoni tal-qari f’Għawdex
L-importanza tal-qari fost it-tfal u l-kbar kienet it-tema ewlenija wara l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet mil-Librerija Pubblika t’Għawdex biex tikkommemora l-Jum Dinji tal-Ktieb li huwa mfakkar internazzjonalment nhar it-23 t’April.
L-attivitajiet imqassma fuq jumejn ġew fi tmiemhom nhar il-Ħamis bl-organizzazzjoni ta’ seminar flimkien mal-Kulleġġ t’Għawdex, intitolat ‘L-Impotanza tal-Qari’ li ġab flimkien diversi għalliema, edukaturi oħra u studenti li tkellmu dwar l-importanza tal-qari u l-esperjenzi personali tal-qarrejja waqt il-qari.
L-Erbgħa, 5 t’April, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex inawgurat wirja ta’ madwar 1,000 ktieb ġdid li nxtraw b’fondi tal-Ministeru għal Għawdex għal-libreriji t’Għawdex, waqt attivita’ li rat ukoll id-donazzjoni ta’ diversi xogħlijiet u materjal għal-Librerija Pubblika u l-Arkivju Nazzjonali t’Għawdex. Il-Ministeru għal Għawdex ta b’donazzjoni riljiev fil-bronż tal-monument li twaqqaf riċentament biex tfakkar lill-Arċipriet Saver Cassar, u li turi l-kapitulazzjoni tal-Franċiżi f’Għawdex fl-1798. Donazzjonijiet oħra ngħataw minn gradwati, għaqdiet mhux governattivi Għawdxin, pubblikaturi u awturi.
L-1,000 ktieb ġdid li xtara l-Ministeru għal Għawdex għal-libreriji pubbliċi t’Għawdex se jiżdiedu ma’ iktar minn 16,000 ktieb ġdid li ġew introdotti fil-libreriji pubbliċi t’Għawdex sa mill-1999. Il-kotba ġodda jinkludu kotba akkademiċi għal riferenza, light fiction għal żgħażagħ u adulti u kotba għat-tfal. Il-kotba huma prinċipalment bil-Malti u bl-Ingliż għalkemm inxtraw ukoll kotba oħra b’lingwi barranin, fosthom it-Taljan u l-Franċiż.
Il-libreriji t’Għawdex qed jiżdiedu fil-popolarita’ b’żieda fil-membri reġistrati kif ukoll b’żieda fin-numru ta’ kotba li jissellfu. Sa mill-1999, il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex u l-Librerija għas-Self tal-Kotba t’Għawdex, it-tnejn amministrati mill-Ministeru għal Għawdex, flimkien mal-branch libraries, wasslu għal madwar 700,000 ktieb misluf u żieda ta’ madwar 5,000 membru ġdid. Il-libreriji pubbliċi t’Għawdex joffru wkoll is-servizzi ta’ storytelling lil tfal ta’ etajiet differenti kif ukoll żjarat ta’ orjentazzjoni li huma popolari ferm ma’ gruppi speċjalment studenti.
Il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex toffri wkoll servizz ta’ l-internet, li sa mill-introduzzjoni tiegħu fl-1999, qabeż il-35,000 talba. Is-sena li għaddiet il-Ministeru għal Għawdex ippreżenta 17-il computer ġdid għal-libreriji, 14 minnhom qed jintużaw għas-servizz ta’ l-internet.
Minbarra li tkellmet dwar l-importanza tal-qari fost l-etajiet kollha, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono tkellmet ukoll dwar is-servizz importanti li qed joffru l-libreriji pubbliċi f’Għawdex lil firxa wiesa’ ta’ klijenti li kontinwament turi l-apprezzament tagħha għas-servizz ta’ kwalita’ li tingħata. Il-Ministru Debono rringrazzjat lill-ħaddiema kollha fi ħdan il-libreriji t’Għawdex għaliex bl-entużjażmu tagħhom u bis-servizz bi tbissima qed jinkoraġixxu x-xogħol ta’ riferenza u riċerka flimkien mal-qari bħala attivita’ attraenti.
Il-Libreriji f’Għawdex jikkonsistu fil-Librerija Pubblika ta’ Għawdex li tinsab fi Triq Vajrinġa, ir-Rabat u li għalqet 153 sena mit-twaqqif tagħha, il-Librerija tas-Self tal-Kotba li tinsab fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, il-librerija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u ħdax-il branch library mxerrda fl-irħula differenti madwar Għawdex.
Other Press Releases:
PR261956
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...
PR261955en