INAWGURATA L-ISKOLA PRIMARJA TA’ ĦAL LUQA
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi dalgħodu inawgura l-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ l-iskola primarja ta’ Ħal Luqa li fih, il-gvern ċentrali nvesta aktar minn miljun lira Maltin.
"Il-viżjoni tal-Gvern hi li t-tfal Maltin u Għawdxin kollha jkollhom skejjel sbieħ u moderni li fihom jieħdu gost kbir jiżviluppaw u jitgħallmu. Issa qed naħdmu biex Gvern, edukaturi u ġenituri flimkien, insaħħu l-kwalita` tat-tagħlim għal kulħadd", sostna l-Prim Ministru.
L-iskola primarja ta’ Ħal Luqa, li kienet infetħet aktar minn sebgħin sena ilu fl-1931, ġiet mibnija fuq żewġ sulari mill-ġdid, ħlief għall-qoxra ta’ barra tas-sular terran. Il-proġett fisser li l-ispazju ta’ l-iskola u tal-klassijiet aktar minn irdoppja. L-arja mibnija żdiedet minn 945 għal 1830 metri kwadri, filwaqt li l-ispazju tal-klassijiet żdied minn 470 għal 1045 metri kwadri. Issa l-iskola għandha sala, spazji rikrejattivi mill-isbaħ, u ground bit-turf sintetiku. Inbniet ukoll sub-station biex l-iskola jkollha l-enerġija elettrika meħtieġa għall-bżonnijiet il-ġodda tagħha. Il-klassijiet huma spazjużi, imdawwla u b’soffitti, dwal u fannijiet. L-iskola għandha wkoll klassijiet speċjali għall-arti, mużika, librerija, gym, u faċilitajiet għall-għalliema u ħaddiema. Fl-iskola jattendu fuq tliet mitt tifel u tifla minn Ħal Luqa, b’sebgħin minnhom fil-kindergarten.
Il-Gvern qed jaħdem fuq programm biex fi żmien ftit snin jibni l-iskejjel primarji u sekondarji ġodda li l-pajjiż għandu bżonn u jimmodernizza l-iskejjel kollha ta’ l-Istat. Għal dan l-iskop waqqaf organizzazzjoni ġdida, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) u daħal f’arranġamenti mal-Bank APS biex iwettaq l-investiment meħtieġ li mistenni jilħaq mas-LM60 miljun lira. Minn meta twaqqfet l-FTS ħames snin ilu, l-Gvern investa aktar minn LM20 miljun f’124 skejjel tal-Gvern.
S’issa, permezz ta’ l-FTS, il-Gvern bena l-Kulleġġ San Benedittu, u prattikament bena mill-ġdid l-iskola primarja ta’ Ħal Luqa, u l-iskola sekondarja Sir Adrian Dingli f’Pembroke. Fl-istess ħin qed jiġi rdoppjat l-ispazju ta’ l-iskola sekondarja ogħla Giovanni Curmi u beda l-bini ta’ skola sekondarja ġdida fil-Ħandaq Ħal Qormi. Din is-sena hu mistenni li jibda x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ l-iskola sekondarja fil-Verdala Bormla.
L-FTS qed tippjana l-bini u l-immodernizzar ta’ l-iskejjel tal-Gvern skond il-ħtiġijiet tar-riforma fl-edukazzjoni fejn l-iskejjel ser jiġu riorganizzati f’Kulleġġi awtonomi li jiġbru fihom il-livelli tal-kinder, primarju u sekondarju fi proċess sħiħ u kontinwu ta’ żvilupp edukattiv.
Il-Ministru Louis Galea ħabbar li d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u l-FTS issa qed jaħdmu biex jirriorganizzaw il-ħaddiema manwali u tekniċi f’aġenzija li tappoġġja b’mod aktar effettiv u effiċjenti l-iskejjel fil-bżonnijiet ta’ tindif u sigurta` u ta’ manutenzjoni ta’ l-istess skejjel inkluż l-ispazji rikrejattivi u ġonna. Għal dan l-iskop kull Kulleġġ ser ikollu Precincts Officer bil-funzjoni li jikkoordina dan ix-xogħol fuq livell ta’ Kulleġġ.
Fid-diskorsi tagħhom il-Prim Ministru u l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol irringrazzjaw lill-Kap u lill-għalliema ta’ l-iskola, kif ukoll lill-Bord ta’ l-Impjegati tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.
Irringrazzjaw ukoll lill-Kappillan ta’ Ħal Luqa li waqt il-bini ta’ l-iskola ospita fis-sala parrokkjali diversi klassijiet biex setgħu jkomplu bit-tagħlim tagħhom.
Other Press Releases:
PR261956
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...
PR261955en