Tħejjijiet għall-inawgurazzjoni ta’ l-Iskola Primarja ġdida ta’ Ħal Luqa fl-aqwa tagħhom
Fl-iskola Primarja ta’ Ħal Luqa u fil-madwar tagħha bħalissa għaddej xogħol intensiv bi tħejjija għall-ftuħ uffiċjali ta’ l-iskola, mill-Prim Ministru, l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi, nhar it-Tlieta li ġej.
Ix-xogħol kollu fuq din l-iskola, li reġgħet inbniet mill-ġdid, sar kollu mill-Gvern Ċentrali permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada b’investiment ta’ miljun Lira Maltija. Oriġinarjament, l-iskola nbniet aktar minn 60 sena ilu iżda permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern reġa’ bena mill-ġdid l-iskola bl-eċċezzjoni tal-qoxra ta’ barra ta’ l-ewwel sular.
Minbarra s-sular t’isfel ġie mibni sular sħiħ ieħor u b’hekk l-iskola iżjed milli rduppjat fid-daqs. Tkabbru l-klassijiet, inbniet sala attrezzata b’palk u tagħmir ieħor bżonnjuż, Gym żgħir, Art Room, Librerija Pubblika, staff rooms u għad ta’ faċilitajiet oħra. Inbidlet drastikament ukoll id-daħla ta’ l-iskola biex issa saret aktar aċċessibbli u attraenti.
Il-Gvern ħa ħsieb ukoll li jagħmel faċilita’ sportiva tajba mhux biss għall-iskola iżda anki għall-komunità ta’ Ħal Luqa. Din tikkonsisti fi ground ‘5-a-side’ bit-turf artifiċjali li se jkun qed jintuża wkoll mill-Klabb tal-Futbol ta’ Ħal Luqa għan-nursery tiegħu. Din il-faċilità qatt ma kienet teżisti qabel u għalhekk il-Gvern ħaseb li jipprovdiha hu għat-tfal ta’ Ħal Luqa.
Fost l-aħħar xogħlijiet li qed isiru bħalissa mill-Gvern Ċentrali, hemm ukoll l-irranġar tat-triq ta’ ħdejn l-iskola li qed issir bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru ta’ l-Iżvilupp Urban u Toroq u l-Awtorita’ tat-Trasport.
Intant nhar il-Ħadd li ġej il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni flimkien ma’ l-Iskola qed jorganizza Open Day li se tibda fid-9.15 a.m. permezz ta’ quddiesa fis-sala ta’ l-Iskola. Din l-attivita’ tkompli fl-10.00 a.m. bl-inawgurazzjoni tal-ground mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni u Sport, l-Onor. Louis Galea u l-bidu ta’ tournament tal-futbol għal tfal ta’ taħt l-10 snin. Sadanittant se tkun għaddejja Festa tar-Rebbiegħa, attività mħawra bil-kant, żfin, attivitajiet għat-tfal, shows u bosta affarijiet oħra għall-familja kollha.
L-Amministrazzjoni u l-Kunsill ta’ l-Iskola flimkien mal-Ministeru qed jistiednu lill-pubbliku inġenerali, b’mod partikolari n-nies ta’ Ħal Luqa biex jattendu għal din l-Open Day.
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955