Ħtieġa ta’ aktar produttività fit-tarzna llejla qabel għada
pr0481
29/03/2006
| Fis-sena | 2005 u fl-ewwel xahrejn tal-2006, it-Tarzna rnexxielha tattira xogħol aktar milli kienet ippjanat. Pero’, dan ma wassalx għal titjib fit-Telf Nett għax l-ispejjeż kienu aktar minn dak ippjanat. Hemm problema serja ta’ produttivita’. Dan qalu l-Ministru Austin Gatt waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji dwar ir-riżultati finanzjarji tal-Malta Shipyards. |
| Il-Ministru | Austin Gatt spjega li t-tarzna fis-sena finanzjarja li ġiet fi tmiemha f’ Diċembru 2005 kellha dħul li qabeż l-aspettattivi bi Lm 3 miljun lira, li jfisser ukoll żieda ta’ Lm 8.5 miljun lira fil-bejgħ fuq is-sena ta’ qabel. Dan juri li t-tarzna qed jirnexxielha tattira x-xogħol. |
| Ix-xogħol | li qed tattira t-tarzna huwa xogħol ta’ livell ogħli f’setturi li huma pjuttost ġodda bħal proġetti ta’ offshore, fejn ir-rata tal-bejgħ hija ħafna aħjar. Fit-tiswijiet tradizzjonali tal-vapuri, it-tarzna dejjem se ssibha diffiċli li tikkompeti mat-Turkija, Kroazja u pajjiżi oħra sempliċiment għaliex ir-rata ta’ bejgħ tagħhom hija baxxa wisq meta tipparagunaha mal-pagi tagħna. |
| Il-Ministru | Gatt, enfasizza li hu ċar minn dawn iċ-ċifri li aktar ma nattiraw xogħol lejn it-Tarzna anqas qed nagħmlu qliegħ. Kull proġett li qed jitwettaq qed jiswa aktar biex inlestuh. Dan għaliex filwaqt li ġibna bi Lm3 miljun lira aktar xogħol milli ġie proġettat, it-telf kien biss ta’ Lm100,000 anqas milli pproġettajna, konferma li għandna problema serja ta’ produttività. Din is-sitwazzjoni tidher ċara anke fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, fejn it-tarzna ippjanat li tattira xogħol li jiswa Lm 1.8 miljun, assigurat Lm 3.1 miljun, u minkejja li d-dħul huwa kważi doppju, il-kumpanija għamlet telf nett aktar milli proġettat għal dan il-perjodu. |
| Il-Ministru | Austin Gatt, tenna dak li spjega aktar kmieni ċ-Chairman tal-kumpanija s-sur John Cassar White, li l-problema hi waħda ta’ produttività u li għal ġid ta’ dawk kollha nvoluti, din trid tiġi ndirizzata din is-sena. Il-problema ta’ produttivita’ ġejja mill-fatt li l-ispejjeż li jidħlu f’xogħol partikolari huma sostanzjalment għola milli dak li t-Tarzna tkun ikkwotat fil-kuntratti, u dan prinċipalment minħabba li għad hemm prattiċi ta’ xogħol li jridu jinbidlu. |
| Il-Ministru | Austin Gatt saħaq li f’din l-isfida kullħadd jinsab fl-istess dgħajsa u għalhekk, kullħadd irid jagħmel l-almu tiegħu biex titjieb is-sitwazzjoni tal-produttività. Illum fit-tarzna hemm ix-xogħol, u xogħol li qed jinġieb bi prezz tajjeb, f’oqsma li jħallu l-qliegħ. Pero’ biex dan ix-xogħol jissarraf f’riżultati aħjar irridu naħdmu aħjar. Il-Ministru qal li jidher li l-Union dan qed tifhmu wkoll, pero’ jeħtieġ li dan jiftiehem ukoll mil-‘Line Managers’, ‘Supervisors’ u ħaddiema ta’ kull livell. |
| Il-Ministru | Austin Gatt qal li sfortunatament, parti mir-raġuni għaliex il-produttività neċessarja ma tjibitx fl-2005, hu minħabba ċerti xnigħat li ċerti ndividwi qegħdin ixerdu fit-Tarzna f’dawn l-aħħar xhur. Huwa reġa’ ċċara s-sitwazzjoni għal benefiċċju ta’ dawk il-ħafna ħaddiema ħabrieka li hemm fit-Tarzna. |
| M’huwiex | minnu li “hemm skemi ta’ rtirar kmieni għal kull min irid jitlaq qabel iż-żmien”. M’hemm l-ebda pjanijiet għal skemi ta’ rtirar kmieni. M’huwiex minnu li “ser ikun hemm għażla għal xi ftit nies li jiġu redeployed mal-IPSL”. M’hemm l-ebda pjanijiet għall-IPSL. Bħal li m’huwiex minnu li “200 ruħ se jiġu redundant u jkollhom jaħdmu għal kumpanija msejħa CapEx”. (CapEx tirreferi għal Capital Expenditure u sempliċiment tfisser li xi ftit nies ser ikunu dedikati għall-programme Capital li hu mmirat li jgħolli l-livell ta’ l-infrastruttura tat-Tarzna. Dawn jibqgħu mpjegati tat-Tarzna.) |
| Meta | l-management sar jaf bir-riżultati ta’ Jannar, għamlu preżentazzjonijiet mal-Union u mal-‘Middle management’ biex jispjegaw is-sitwazzjoni. Il-Ministru Gatt irrefera li hi nkwetanti ħafna l-attitudni ta’ xi ftit mill-middle managers li kienu preżenti, li ħassew li “aħna smajna dan il-garr qabel u verament ma jimpurtaniex minn kif sejra l-kumpanija.” Din hi attitudni inaċċettabli. |
| Kulħadd | irid jifhem li din m’hix xi ħaġa li l-Gvern għad jista’ jikkontrolla. Qabel konna ngorru u wara nissussidjaw it-telf. Issa ngorru imma ma nistgħux nissussidjaw. Il-Gvern huwa kommess li ma’ jonfoqx ċenteżmu iktar f’sussidji lit-tarzna, milli diġa’ hemm kommess. Il-Ministru qal li m’huwiex minnu dak li qal il-Kap ta’ l-Oppożizjoni s-sena l-oħra, li hemm xi mod kif nistgħu nagħtu aktar sussidju lit-Tarzna wara l-2008. L-anqas li kieku kien minnu, il-Gvern jidhirlu li ta biżżejjed sussidji. |
| Il-Ministru | Austin Gatt qal li wieħed ma jridx jinsa li l-poplu Malti ħafer Lm300 miljun lit-Tarzna meta sar ir-ristrutturar, u li f’dawn l-aħħar ħames snin il-poplu ħallas Lm66 miljun biex it-Tarzna tibqa’ miftuħa. Huwa kompla li “urejna aktar impenn milli ħafna nies jaħsbu li kien hemm bżonn nuru. Fl-aħħar ħames snin kull familja Maltija ħallset Lm3,400 f’sussidji lit-Tarzna.” Huwa saħaq li m’għadniex fiż-żmien kolonjali fejn ‘foreman’ kien issejjaħ aktar nies milli jkun hemm bżonn u hekk jakkumula l-ispejjes, m’għadniex fiż-żmien meta wieħed jista’ jitnikker waqt ix-xogħol biex imbagħat jieħu l-‘overtime’. Hemm bżonn li kulħadd jifhem li l-Gvern m’huwiex fi ħsiebu jgħaddi lit-Tarzna ċenteżmu ieħor fuq dak li kien miftiehem. |
| Austin | Gatt spjega li dan ifisser ħaġa sempliċi ferm: “Jekk ma jintlaħqux il-miri finanzjarji, il-kumpanija ma jkolliex għażla ħlief li tkeċċi n-nies jew timplementa tnaqqis fil-pagi. Biex dan isir, il-kultura trid tinbidel illejla qabel għada, għax għada tard wisq.” |
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955