Left arrow Go Back

SEMINAR INFORMATTIV GĦAS-SETTUR KULTURALI U AWDJOVIŻIV

pr0479
Date Icon 29/03/2006

Meta kien qed jitkellem fil-bidu ta’ seminar informattiv organizzat mill-“EU Affairs and Policy Development Directorate”, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-iskop ta’ din il-laqgħa huwa li jkun infurmat is-settur kulturali u awdjoviżiv dwar dak li qed jagħmel il-EU Affairs & Policy Development Directorate fl-oqsma tal-kultura u l-awdjoviżiv, partikolarment fil-kuntest ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-trattat ta’ Maastricht jirrikonoxxi l-importanza tal-kultura meta jistqarr li l-lingwa, il-letteratura, l-performing arts, l-arti viżiva, l-arkitettura, is-snajja’, iċ-ċinema u x-xandir huma kollha parti mid-diversita’ kulturali ta’ l-Ewropa.

It-Trattat igħid ukoll li minkejja li jappartjenu lil pajjiż jew reġjun speċifiku, dawn jirrappreżentaw parti mill-wirt kulturali komuni Ewropew. It-Trattat jinnota wkoll li l-iskop ta’ l-Unjoni Ewropea hu doppju: dak li jikkonserva u jappoġġja din id-diversita’ u jgħin biex jagħmilha aċċessibli għal oħrajn.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa numru ta’ proposti li jgħinu l-iżvilupp tal-kultura. Hu qal li aħna bħala Stat Membru nipparteċipaw f’dawn id-diskussjonijiet.

“Il-Gvern iħares b’importanza lejn il-kultura. Dan għaliex il-kultura tagħtina identita’ billi tagħżilna minn kull nazzjon ieħor u anke għaliex naraw il-kultura bħala l-ħajja tagħna. Darba l-Gvern huwa kommess lejn kwalità ta’ ħajja aħjar, jinkoraġixxi wkoll it-tixrid tal-kultura għaliex din hi sinonimu ma’ ħajja aħjar għall-poplu kollu,” stqarr il-Ministru Zammit Dimech.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li konna qed niżviluppaw il-politika għall-kultura li hija bbażata fuq livell aħjar ta’ ħajja. Hu qal li llum id-Direttorat kien se jaqsam ma’ dawk preżenti l-ħsibijiet tiegħu f’dan ir-rigward u jagħti skop għall-konsultazzjoni. Hu qal li l-politika kulturali ser tkun ukoll ibbażata fuq l-għaqda fid-diversità.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li tul dan is-seminar se jkunu spjegati l-programmi ta’ fondi mill-UE u mill-Gvern Malti. Hu qal li se tingħata wkoll informazzjoni dwar l-opportunitajiet li jeżistu u l-għajnuna li tagħti l-UE għall-kultura u s-settur awdjoviżiv. Hu qal li fil-qasam ta’ l-arti se tingħata informazzjoni dwar l-arti u l-bżonn li jingħata iktar spazju lill-artist.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-settur awdjoviziv huwa settur pjuttost żgħir f’Malta. Hu qal li hemm bżonn iktar taħriġ għal dan il-qasam. Hu qal li għal dan l-iskop ser tinħoloq skema li dwarha ser jinstema aktar fis-seminar ta’ dakinhar.

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li anke fil-qasam ta’ l-impjiegi s-settur kulturali joffri potenzjal kbir għal impjiegi ġodda. Hu qal li ried iżda jinħoloq il-qafas biex din iż-żieda fl-impjiegi isseħħ. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern kien qed joħloq l-infrastruttura biex inħarsu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna permezz ta’ proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni. Hu qal li kienu qed jitwettqu proġetti biex il-wirt kulturali ta’ pajjiżna ikun ippreżentat aħjar, biex ikun hemm aktar promozzjoni ta’ dak li għandna u biex ikun hemm manutenzjoni kontinwa ta’ dak kollu li għandna.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-proċess ta’ ristrutturazzjoni li qed iseħħu fl-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta; f’Heritage Malta – li ħadet magħha ċ-Ċentru għar-Restawr ta’ Bighi; u fl-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti huma kollha maħsuba biex dawn l-awtoritajiet u agenziji jkunu aktar effiċjenti billi ma jkunx hemm duplikazzjoni ta’ xogħol u biex ir-riżorsi, li f’pajjiż żgħir bħal tagħna huma limitati, jintużaw aħjar u hekk ħaddiema rilaxxjati mix-xogħol li kienu jagħmlu jkunu jistgħu jagħmlu xogħol aktar produttiv b’risq il-kultura u l-wirt ta’ pajjiżna.

Il-Ministru Zammit Dimech appella lil dawk kollha nvoluti fis-settur kulturali u awdjoviżiv biex jagħmlu l-aħjar użu minn fondi u riżorsi li l-UE tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi membri tagħha, għaliex hu billi jkollna riżorsi umani aktar imħarrġa u aktar produttivi li pajjiżna jista’ jmur ’l quddiem.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Europe’s security is directly linked to that of the Mediterranean – Minister Glenn Bedingfield

PR261955en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sigurtà tal-Ewropa hija marbuta direttament ma’ dik tal-Mediterran – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR261955

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sigurtà tal-Ewropa hi...

More Press Releases Right arrow