Left arrow Go Back

Diskors mill-Onor. Tonio Borg, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern fl-okkażjoni taċ-Ċerimonja tal-Ġurament tal-Ħatra tal-Kunsilliera Lokali – Il-Belt Valletta  - 27 ta’ Marzu 2006

pr0471
Date Icon 28/03/2006

Sinjuri Kunsillieri
Segretarju Permanenti
President, Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali
Direttur, Gvern Lokali
Sinjuri  

Hu ta’ pjaċir għalija li jkolli l-opportunita’ li  nindirizza lill-Kunsillieri Lokali eletti fl-Elezzjonijiet Lokali tal-11 ta’ Marzu, f’din iċ-ċerimonja simbolika iżda sinifikanti tal-ġurament tal-ħatra tagħkom bħala Kunsillieri Lokali.  

Nibda biex nifraħ lil kull wieħed u waħda minnkom li ngħatajtu l-fiduċja tar-residenti tal-lokalitajiet rispettivi. Dan jitfa’ fuqkom mhux biss id-dritt li tieħdu d-deċiżjonijiet skond il-poteri mgħoddija lill-Kunsilli Lokali iżda wkoll l-obbligi marbuta mal-fatt li intom għandkom bħala cittadini mudelli li għandkom isservu ta’ eżempju liċ-ċittadini l-oħra fil-lokalitajiet tagħkom. 

Irrid infakkar li l-Kunsilli Lokali huma t-twettiq fil-prattika tal-prinċipju tas-sussidjarjeta’, jiġifieri l-prinċipju li d-deċiżjonijiet jittieħdu minn dawk li l-aktar ikunu ser jintlaqtu minnhom.  Dan kien pass kuraġġuż li ħa l-Gvern li nifforma parti minnu kważi tlettax-il sena ilu, u ċioe’t-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex u mhux fuq bazi regjonali izda li kull lokalita’ jkollha l-Kunsill taghha.  Sa mit-twaqqif tagħhom il-Kunsilli Lokali ngħataw ir-responsabbilta’ legali ta’ entitajiet ta’ gvernijiet lokali b’funzjonijiet statutorji li żdiedu gradwalment matul is-snin sabiex illum il-Kunsilli Lokali huma stabbiliti u aċċettati minn kulħadd. Il-prinċipju ta’ gvern lokali hu saħansitra sanċiż fil-Kostituzzjoni ta’ Malta wara qbil miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati.     

Biex imexxu l-politika lokali jeħtieġ nies b’commitment, sens ta’ dover u sens ċiviku, u ċ-ċerimonja tal-lum qed issir sabiex intom li ġejtu eletti bil-vot taċ-ċittadini tal-lokalitajiet rispettivi tieħdu l-ġurament tal-ħatra sabiex tibdew tiffunzjonaw bħala Kunsillieri mill-1 ta’ April li ġej. 

Il-kariga ta’ Kunsillier Lokali ġġib magħha responsabbilta’ fejn fl-ogħla organu fuq livell lokali jittieħdu d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom, fil-qafas tal-liġi, tistgħu ittejbu l-livell ta’ l-għajxien taċ-ċittadini tal-lokalitajiet rispettivi tagħkom.  F’dan il-kuntest, għalhekk, wieħed irid ikun ħafna attent li kull deċiżjoni meħuda mhux biss tkun fl-ambitu ta’ dak li ttik  il-liġi iżda wkoll fl-interess l-aktar wiesa’ tal-lokalita’.    

L-ewwel messaġġ li nixtieq inwassal, għalhekk, hu li kull deċiżjoni għandha tkun fil-qafas ta’ dak permess bil-liġi.  Għal dan il-għan,  hemm il-ħsieb li aktar tard din is-sena b’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali jsiru numru ta’ seminars informattivi lill-Kunsillieri eletti ġodda dwar il-leġislazzjoni tal-gvern lokali, inklużi r-regolamenti finanzjarji, dwar l-offerti u l-awditjar kif ukoll materji oħra li kull Kunsillier għandu jkun jaf biex jagħraf jaqdi l-funzjoni tal-kariga tiegħu bl-aktar mod effettiv. 

It-tieni messaġġ hu li f’kull deċiżjoni kull Kunsillier irid iħares lejn l-interess globali tal-lokalita’ aktar milli l-interess settorjali.   

Inħoss li hu importanti li sabiex tassew kull Kunsill ikun qed jimplimenta dik li tissejjaħ “id-demokrazija lokali”, kull Kunsill għandu jagħraf jinvolvi liċ-ċittadini tal-lokalita’ tiegħu kemm jista’ fl-inizzjattivi u l-attivitajiet tiegħu.  Insemmi bħala eżempju l-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ li twaqqfu f’madwar 7 Kunsilli Lokali fuq bażi sperimentali u li kellhom is-suċċess li nvolvew numru ta’ żgħażagħ mil-lokalita’ li b’entużjażmu ddeċidew fuq numru ta’ idejat u inizjattivi biex jitressqu lill-Kunsill Lokali rispettiv sabiex jara x’jista’ jimplimenta minn dawn l-ideat.  Dan hu biss wieħed mill-miżuri li kull Kunsill Lokali jista’ jieħu biex jinvolvi b’mod dirett liċ-ċittadini tal-lokalita’ u b’hekk iħossuhom li qed jikkontribwixxu b’mod aktar proattiv. 

Messaġġ ieħor li nħoss li għandi ngħaddi f’din l-okkażjoni fejn qed ikolli l-opportunita’ nindirizzakom qabel tidħlu għall-qadi tal-funzjoni tagħkom, hu li fil-ħidma tagħkom tgħarfu timxu b’imġiba leali u korretta kemm ma’ xulxin kif ukoll ma’ l-impjegati u kull min tiġu f’kuntatt miegħu waqt il-qadi tal-funzjoni tagħkom.  Hawn nixtieq infakkar li f’Ġunju ta’ l-2005 inħareġ Kodiċi ta’ Etika għall-Kunsillieri Lokali bħala parti mir-Regolamenti dwar l-Assoċjazzjoni ta’ Awtoritajiet tal-Gvern Lokali  li jipprovdi linja gwida dettaljata dwar l-imġiba mistennija minn kull Kunsillier.  Hu, għalhekk, rakkomandat li kull Kunsillier jitlob kopja ta’ dan l-Avviż Legali li għandu jservi ta’ gwida ċara dwar x’inhu mistenni minnu jew minnha fil-qadi tal-kariga ta’ Kunsillier. 

Nemmen li fost l-iktar importanti hu li fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar xiri ta’ servizzi jew oġġetti, kull Kunsillier jifhem li l-fondi huma fondi pubbliċi u li hemm regoli u proċeduri li wieħed għandu josserva.  F’dan il-kuntest nappellalkom sabiex fejn hemm id-dubju titolbu l-parir tas-Segretarju Eżekuttiv li hu l-kap amministrattiv, eżekuttiv u finanzjarju tal-Kunsill.  L-immaniġġjar ta’ fondi pubbliċi jitfa’ responsabbilta’ kbira fuqkom li fost l-oħrajn tinkludi li intom tkunu accountable għal għemilkom kif ukoll trasparenti.  Il-kontabilita’ u t-trasparenza huma żewġ prinċipji importanti fl-amministrazzjoni pubblika u dan fl-interess pubbliku.  Kull Kunsill Lokali hu mistenni li fl-operat tiegħu jimxi mal-prinċipji bażiċi ta’ l-effiċjenza, l-effettivita’ u l-ekonomija.   

Messaġġ ieħor li nħoss li hu importanti ngħaddi f’din l-ewwel okkażjoni li nindirizzakom hu li l-Kunsilli Lokali huma wkoll parti minn dik li hi amministrazzjoni pubblika. Hawn irrid insemmi b’mod partikolari l-impenn u l-involviment tal-Kunsilli Lokali fil-qasam tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u l-possibilita’ li kull Kunsill Lokali ser ikollu biex jipproponi proġetti li jistgħu jkunu ffinanzjati taħt il-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea.  

Sal-lum diversi Kunsilli Lokali pparteċipaw bħala sħab f’diversi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea foshom programmi mmirati għaż-żgħażagħ, programmi b’temi urbani u oħrajn b’temi inter-reġjonali.   Kif tafu, is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fetħet orizzonti u sfidi ġodda, fosthom l-opportunitajiet kbar ta’ twettiq ta’ proġetti li qabel kienu jidhru impossibbli li jitwettqu minħabba l-ispejjeż marbuta magħhom.  F’dan il-kuntest, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali flimkien mad-Direttorat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-fondi kif ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ser jagħtu kull għajnuna biex kull Kunsill ikollu l-opportunita’ li jissottometti proġetti.  Naturalment, kull talba tkun trid tiġi evalwata u mpoġġija f’ordni ta’ prijorita’, iżda ninsab ċert li jekk tagħrfu tissottomettu proġetti realizzabbli, il-Kunsilli tagħkom ser ikunu jistgħu jiggwadanjaw ukoll mill-fondi disponibbli li l-Gvern Malti rnexxielu jikseb għal Malta għas-snin  2007 – 2013. 

Irrid ukoll nisħaq fuq il-ħtieġa li fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħkom tħarsu wkoll lejn il-ġustizzja, is-sens ta’ proporzjon u s-sens komun. B’mod partikolari qed nirreferi għat-twettiq tal-funzjoni ta’ l-infurzar lokali.  Irrid infakkar li l-iskop prinċipali tad-deċentralizzazzjoni ta’ din il-funzjoni ma kinetx sabiex dan iservi ta’ metodu ieħor ta’ kif il-Kunsilli jżidu l-introjtu tagħhom, iżda mezz kif iċ-ċittadin ikun edukat dwar il-ħarsien tar-regolamenti tat-traffiku u l-ħarsien ta’ l-ambjent fiżiku.   

Il-Kunsilli Lokali għandhom, għalhekk, joqgħodu attenti li din il-funzjoni jwettquha bl-aktar mod ġust u jevitaw li minflok mezz ta’ tagħlim u self discipline din il-funzjoni twassal għall-frustrazzjoni u nuqqas ta’ fiduċja fl-istess istituzzjonijiet li qegħdin hemm għat-tħaris tal-liġijiet.  Kien f’dan l-ispirtu li l-Gvern ċentrali ħass li kellu jagħti għodda oħra liċ-ċittadin li jekk iħoss li fl-għoti ta’ avviż ta’ kontravvenzjoni seta’ kien hemm żball evidenti jew setgħet saret inġustizzja dan ikollu r-rimedju li jagħmel petizzjoni fejn jitlob rimedju mingħajr il-ħtieġa li jinkorri spejjeż inutli.  Nappellalkom għalhekk sabiex tkunu viġilanti sabiex l-ilmenti taċ-ċittadini tagħkom fl-għoti ta’ avviżi ta’ kontravvenzjonijiet mhux mistħoqqa jonqsu jekk mhux ukoll jinqatgħu. 

Kif tafu, fl-emendi li saru s-sena l-oħra fl-Att dwar Kunsilli Lokali, ġie inkluż għall-ewwel darba d-dritt taċ-ċittadin li bil-vot tiegħu jeleġġi s-Sindku u l-Viċi Sindku tal-lokalita’ tiegħu.  Dan hu pass importanti ieħor fit-tisħiħ tad-demokrazija lokali u t-twettiq fil-prattika ta’ l-espressjoni popolari fit-tmexxija lokali.     

Nagħlaq billi mill-ġdid nifirħilkom għall-ħatra tagħkom ta’ Kunsillieri Lokali wara li ġejtu afdati f’din il-kariga bil-vot taċ-ċittadini tal-lokalitajiet rispettivi tagħkom.  Ninsab ċert li tifhmu li dħaltu għal kariga ta’ impenn, sagrifiċċju u xogħol li mhux dejjem jiġi apprezzat.  Is-sodisfazzjon tagħkom għandu jkun it-twettiq ta’ inizzjattivi, attivitajiet u proġetti fl-interess taċ-ċittadini u l-lokalitajiet rispettivi tagħkom.  Nawguralkom kull suċċess fil-ħidma tagħkom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Europe’s security is directly linked to that of the Mediterranean – Minister Glenn Bedingfield

PR261955en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sigurtà tal-Ewropa hija marbuta direttament ma’ dik tal-Mediterran – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR261955

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sigurtà tal-Ewropa hi...

More Press Releases Right arrow