Diskors mill-Onor. Tonio Fenech, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi fil-Konferenza organizzata mill-Union Ħaddiema Magħqudin dwar ‘L-Introduzzjoni ta’ l-Euro’ – Dar il-Mediterran gĦall-Konferenzi, l-Belt - 22 ta’ Marzu 2006
Nibda biex nirringrazzja lill-Union Ħaddiema Magħqudin għall-inizzjattiva li ħadet biex torganizza din il-konferenza fuq tema li ma’ kull ġurnata li qed tgħaddi qed tiżdied fl-importanza tagħha. Nixtieq ukoll nikkumplimenta lid-diriġenti tal-UĦM għall-mod mill-aktar serju kif qed iħarsu lejn il-preparazzjoni meħtieġa għal dan il-proċess importanti, fejn saħansitra kkummissjunajtu rapport independenti dwar l-aspetti differenti li jikkonċernaw mhux biss lill-membri ta’ din il-Union imma l-poplu Malti u Għawdxi in ġenerali.
Dan ir-rapport jipprova jirrispondi domanda importanti: l-ekonomija tagħna - kemm hi kompatibbli ma’ dik taż-żona euro, u li magħha issa qed infittxu li nkunu integrati b’mod sħiħ, billi naddottaw l-istess munita? Ir-rapport li ġie ppreżentat fil-fatt joħroġ fid-dettal il-kompatibilta’ ta’ l-ekonomija ta’ pajjiżna ma’ dik tal-pajjiżi li diġa addottaw il-munita euro. Fil-fatt mill-analiżi li saret mill-esperti mqabbda mill-UĦM dawn jikkonfermaw li l-ekonomija Maltija diġa’ qeda f’pożizzjoni tajba biex taddotta l-euro fi żmien qasir.
Joħroġ ukoll b’mod ċar kif pajjiżna meta mqabbel mal-pajjiżi li wkoll bdew it-triq biex jissieħbu fil-munita euro, għandha l-aktar ekonomija li l-kummerċ tagħha jiddependi mill-Unjoni Ewropeja, partikolarment miż-żona euro. L-istudju ukoll jenfasizza l-vantaġġi li l-introduzzjoni ta’ l-euro għandha ġġib lill-ekonomija Maltija, dawn jinkludu l-fatt li l-euro iżżid l-armonizazzjoni bejn l-istati membri fil-munita u dan iwassal għal aktar negozju u integrazzjoni finanzjarja bejniethom.
Meta l-Gvern ġie biex jieħu d-deċiżjoni dwar meta hu ż-żmien opportun biex pajjiżna jagħmel dan il-pass kellu jikkonsidra numru ta’ fatturi.
1. Hemm benefiċċji għas-sħubija ta’ pajjiżna fil-munita euro?
2. X’inhuma r-raġunijiet kontra sħubija kmieni?
3. L-ekonomija tagħna ser tkun kapaċi tilħaq il-kriterji stabbiliti u x-xebħ ekonomiku mixtieq maż-żona euro li fiha ser nintegraw?
4. X’messaġġ qed nagħtu lil min irid jinvesti f’pajjiżna bid-deċiżjoni li nieħdu?
5. Hemm riskji jekk intawlu l-proċess ta’ sħubija aktar milli hu desiderabbli.
Hemm benefiċċji għas-sħubija ta’ pajjiżna fil-munita euro?
Ir-rapport li fil-fatt ġie ppreżentat mill-esperti mqabbda mill-UĦM jikkonferma li hemm numru ta’ vantaġġi għall-ekonomija Maltija u għall-poplu Malti li l-benessere tiegħu jiddependi mill-ġid li dan kapaċi jiġġenera.
L-Għaqda Monetarja Ewropea (EMU) twaqqfet f’perjodu fejn l-Ewropa kienet għaddejja minn tensjonijiet monetarji, kriżijiet fir-rati tal-kambju u żbilanċi macro ekonomiċi. L-għaqda monetarja rnexxiela tbiddel dan kollu, tat lill-Ewropa stabbilita’ mhux biss billi eliminat ir-riskji fir-rati tal-kambju bejn il-pajjiżi parteċipanti, imma ħolqot ambjent ta’ rati ta’ interessi baxxi fit-tul u politika monetarja favur l-istabbilita’ fil-prezzijiet.
Dan is-suċċess, ma ġiex mill-ewwel. Bla dubju ddependa fuq il-kunfidenza li ġiet ispirata minn aktar minn 300 miljun ċittadin li bdew jużaw din il-munita. Fit-twelid ta’ din il-munita kien hemm l-istess xettiċiżmu li kultant jidwi f’pajjiżna. Dak iż-żmien, numru ta’ osservaturi xettiċi kienu jadvokaw li din kienet ser toħloq l-inflazzjoni, oħrajn kienu qalu li l-kwalita’ tal-munita kienet ser tkun waħda medjokri u mhux ser tkun waħda li tista’ tieqaf fil-konfront ta’ muniti aktar b’saħħithom.
Illum nistgħu ngħidu li dawn iż-żewġ veduti kienu żbaljati. L-euro fil-fatt għarfet iżżomm l-inflazzjoni stabbli minħabba l-politika monetarja li għaraf iħaddan il-Bank Ċentrali Ewropew u kienet element ċentrali fil-proċess ta’ integrazzjoni fost il-pajjiżi stati membri. Waslet għal aktar kompetizzjoni, kummerċ u għaldaqstant tkabbir ekonomiku.
Hemm numru ta’ vantaġġi oħra għall-ekonomija tagħna, li wieħed ma’ jistax jinjora:-
o L-eliminazzjoni tar-riskju fuq il-kambju mal-euro, li meta wieħed jikkonsidra l-livelli għolja ta’ kummerċ maż-żona tal-euro dan jista’ ikun vantaġġ sostanzjali.
o Anqas spejjeż marbuta ma’ l-ispejjeż biex isiru tranżazzjonijiet mill-Lira Maltija għall-euro
o Aktar trasparenza fil-prezzijiet billi jista’ jsir tqabbil aħjar ta’ x’jiswa prodott jew servizz f’pajjiżi oħra li għandhom l-istess munita.
o Kontroll aħjar fuq l-għoli tal-ħajja – billi l-oġġettiv primarju propju tal-Bank Ċentrali Ewropew fit-tħaddim tal-politika monetarja tiegħu hu propju dan.
o Aċċess għal swieq finanzjarji ħafna aktar wiesgħa u għaldaqstant rati ta’ imgħax fuq self aktar vantaġġjużi.
o Qed norbtu l-ekonomija tagħna ma’ dik li llum hi t-tieni l-akbar munita internazzjonali.
o Jissaħħaħ il-Credit Rating ta’ pajjiżna minn aġenziji internazzjonali – li jwassal li l-pajjiż ikollu roħs fuq il-premiums li llum jitħallsu fuq self barrani minħabba r-riskju li jkun assoċċjat ma’ pajjiżna.
Sal-lum għad għandna min qed jadvoka li pajjiżna għandu jieħu aktar żmien qabel jidħol f’din il-munita, mingħajr ma qed jagħti spjegazzjoni ċara fuq livell ekonomiku għaliex. Nisimgħu li pajjizna għandu jiffoka fuq sfidi ekonomiċi aktar importanti; iżda mhux ċar għal liema sfidi dawn l-esponenti qed jirreferu għalihom.
L-aktar ħaġa li tissemma’ hi r-riskju ta’ inflazzjoni fil-perjodu ta’ konverżjoni. Dan huwa riskju li l-Gvern mhux biss jikkondividi, iżda qiegħed jagħmel l-almu tiegħu biex nikkumbattu. Iżda dan ir-riskju huwa riskju li naffaċċjaw kemm jekk nissieħbu fl-euro fl-1 ta’ Jannar 2008, 2009 jew xi sena oħra li xi ħadd jista’ jipproponi.
Nemmen ukoll li m’hemm l-ebda sfida ekonomika li l-Gvern u l-pajjiż mhux qiegħed ġa jagħmel l-almu tiegħu biex jegħleb. Is-sostenibbilta’ finanzjarja ta’ pajjiżna, l-livell ta’ tkabbir ekonomiku, il-kompetittivita ta’ pajjizna. Dawn huma kontra b’xi mod l-oġġettiv ta’ sħubija f’din il-munita? Kuntrarju jkolli ngħid, l-euro għandha tkompli tgħinna nilħqu dawn l-għanijiet għax propju għal dawn l-għanijiet twaqqfet. Sħubija fl-euro ser tkompli tobbligana nimxu lejn dixxiplina fiskali li twassal għal qagħda finanzjarja ta’ Gvern sostenibbli, tkompli tgħin fl-istabbilta’ fil-prezzijiet, tista’ tgħinna, kif ġa għenet pajjiżi oħra fit-tkabbir ekonomiku tagħna , u għalkemm mhix is-soluzzjoni għall-isfidi li għandna biex inkunu aktar kompetittivi, għandha tgħin il-kompetittivita’ ta’ pajjiżna għax jonqsu ċertu spejjeż.
Min-naħa l-oħra hemm riskji jekk pajjiżna ma jkomplix fil-proċess u jtawwal is-sħubija f’din il-munita. Fuq livell internazzjonali l-pajjiżi li ma bdewx dan il-proċess qed jiġu meqjusa bħala dawk il-pajjiżi li għad għandhom problemi ekonomiċi ħafna akbar. Li kieku l-Gvern Malti tawwal dan il-proċess bla bżonn dan kien jiftiehem li m’aħniex kommessi lejn politika ekonomika serja, u li aħna ‘l bogħod mill-miri li huma stabbiliti, u li b’sodisfazzjon ngħid li llum kullħadd qed jgħid li aħna ‘on track’.
Għalkemm il-Gvern dejjem ippronunzja ruħu li fl-aħjar interess tal-pajjiż iqis li d-dħul tal-munita euro għandu jkun aktar viċin milli ‘l bogħod – dejjem qagħadna attenti li d-deċiżjoni ma’ titteħidx kmieni żżejjed mingħajr ma nkunu ħadna konsiderazzjoni tal-livell ta’ preparament ta’ l-ekonomija Maltja.
Ma nistax ma nesprimix sodisfazzjon għar-rapporti li ħarġu dan l-aħħar mil-Kummissjoni Ewropea u l-Credit Rating Agencies Internazzjonali dwar l-andament ta’ l-ekonomija ta’ pajjiżna. Ix-xejriet pożittivi ġew esperjenzati kważi f’kull qasam fl-2005. Il-valur miżjud fl-agrikoltura, sajd, barrieri, kostruzzjoni, bejjiegħa bl-imnut u bl-ingrossa kien jeċċedi dak tas-sena 2004. Fis-settur tal-manifattura, il-kontribuzzjoni għall-valur miżjud gross żdied kważi b’wieħed fil-mija, filwaqt fis-settur finanzjarju, il-kontribut żdied minn 3.6% tal-GDP fl-2004 għal 4.5% tal-GDP fl-2005.
Fuq aspett internazzjonali, l-Standard and Poor’s ikkonfermat il-credit ratings ta’ ‘A’ long-term u ‘A-1’ short term u kkunsidrat lill-pajjiżna bħala stabbli. Fir-rapport intqal li wara d-dħul ta’ Malta fl-Ewropa, il-fokus politiku kien fuq il-konsolidament fiskali, aktar riformi strutturali, modernizzar tal-entitajiet tal-istat u l-implementazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet. Fl-istess ħin, ir-riformi biex innaqqsu l-preżenża tal-istat fl-ekonomija, hija indikazzjoni ta’ prospetti aħjar ta’ tkabbir ekonomiku għal quddiem, waqt li jitnaqqas il-piż fuq il-finanzi pubbliċi. L-Aġenzija Moody’s min-naħa tagħha għollietir-rating ta’ Malta minn waħda stabbli għal waħda pożittiva, minħabba numru ta’ fatturi li jikkonfermaw is-serjeta’ tal-politika tal-Gvern. Dawn jinkludu l-livell baxx ta’ qagħad u inflazzjoni, dak li jipproduċi l-pajjiż ras imb’ras, l-politika finanzjarja tal-pajjiż u l-prospetti ta’ l-addozzjoni ta’ l-euro.
Dawn ir-riżultati kollha juru ħaġa waħda importanti : qedin fit-triq it-tajba, il-kriterji ta’ Maastricht huma attainable, id-defiċit din is-sena jkun taħt it-3% tal-GDP.
Kif kelli opportunita’ naċċenna f’dan id-diskors, il-Gvern hu konxju mir-riskji assoċċjati mal-bidla nnifisha. Għalhekk bħala Gvern waqqafna n-National Euro Changeover Committee, biex ikollna struttura adegwata li bil-parteċipazzjoni tal-istakeholders tiffaċilita proċess ta’ konverżjoni li trid isseħħ f’dawn il-21 xahar li għad fadal.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni, li ilu li beda minn Ġunju tas-sena li għaddiet qed jinvolvi s-soċjeta ċivili, is-settur pubbliku, is-settur finanzjarju, l-edukazzjoni, l-għaqdiet taż-żgħażagħ, l-anzjani, u l-konsumaturi. Waqqafna kumitati settorjali biex inkopru lil kulħadd. Barra minn hekk, waqqafna ukoll task forces biex iħarsu fid-dettal fis-suġġett tagħhom partikolarment fl-IT, kemm privat u kemm tal-Gvern, il-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi, it-turiżmu u t-taħriġ.
Ser ikollna ukoll kampanja ta’ kommunikazzjoni dettaljata fuq is-suġġetti varji li għandhom x’jaqsmu mal-euro. Importanti li bħal ma qed tagħmel l-UĦM kulħadd jinvolvi ruħu f’dan il-proċess li żgur ser jaffettwah.
Waqt li l-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex jiffaċilita, jiggwida u jwassal l-informazzjoni meħtieġa lil kull settur, il-preparazzjonijiet iridu jsiru mis-setturi nnfushom u għaldaqstant nagħlaq billi nappella lil kullħadd biex iħares fil-fond lejn il-bidliet li huma meħtieġa u jibda jipprepara għalihom.
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955