KUNĊERT F’MALTA MILL-KANTANT INGLIŻ STING
Il-kantant popolari Ingliż Sting se jtella’ kunċert f’pajjiżna nhar it-Tlieta 6 ta’ Ġunju, 2006.
Sting twieled fi Newcastle fl-Ingilterra fl-1951. Ismu proprju hu Gordon Matthew Sumner. Ħa l-isem ta’ Sting minn sweater irrigat li kien jilbes u li wassal li Gordon Solomon jxebbħu ma’ naħla.
Sting hu primarjament mużiċista. Sal-1984 kien jifforma parti mill-band “The Police”. Wara beda jkanta solo. Qabel beda l-karriera fil-mużika Sting kien jgħallem l-Ingliż u kien coach tal-football. Hu rċieva l-grad onorarju ta’ Dottorat fil-Mużika mill-Universita’ ta’ Northumbria f’Ottubru 1992 u mill-Kulleġġ ta’ Berklee għall-Mużika f’Mejju 1994. Sting idoqq diversi strumenti fosthom il-kitarra, mandolina, piano, armonika u sassofonu.
Sting hu ukoll attur u ħadem f’diversi films li jinkludu Quadrophenia, Radio On, Plenty, Julia and Julia, Dune, Bring On The Night u The Grotesque.
Sting iddebutta bħala kantant solo bil-kanzunetta maħruġa fl-1985: The Dream of the Blue Turtles. Il-kanzunetti “If Yo Love Somebody Set Him Free”, “Love Is the Seventh Wave” u “Fortress Around Your Heart” kollha kienu popolari u daħlu fl-aqwa Ghaxra ta’ l-Istati Uniti. F’tarf l-1987 Sting ippubblika l-album “Nothing Like the Sun” li ddedika għal ommu li kienet għadha kif mietet. Minn dan l-album ħarġu s-singles “We’ll Be Together” u “They Dance Alone”.
Wara li ppubblika dan l-album Sting beda kampanja attiva għal Amnesty International u favur l-ambjent. Hu waqqaf ir-Rainforest Foundation maħsuba li twassal biex il-popli tad-dinja jkunu aktar konxji dwar il-ħarsien tar-rain forest Brażiljana.
Wara l-mewt ta’ missieru, Sting kien ispirat biex fl-1991 jippubblika l-album “The Soul Cages”. Sentejn wara ppubblika “If I Ever Lose My Faith in You” u “Fields of Gold”. F’tarf l-1993 irrekordja “All for Love” u fil-ġaria fl-1996 ħareġ l-album “Mercury Falling’.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda l-kunċert ta’ Sting waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-lukanda Hilton, San Ġiljan. Hu qal li n-numru ta’ kantanti popolari f’Malta u barra pajjiżna li qed jinġiebu f’pajjiżna biex ittellgħu kunċerti hu wieħed impressjonanti. Hu qal li dan juri l-interess tal-Maltin f’kantanti barranin, li qed jogħla l-livell tal-għajxien tagħna, li għandna klassi ta’ imprendituri li lesti jieħdu s-sogru u jġibu kantanti ta’ kwalita’.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kunċerti ta’ kwalita’ jgħinuna nippromwovu lil Malta bħala esperjenza sabiħa għall-viżitaturi fejn tista’ ssegwi kantanti favoriti li ħafna drabi anqas f’pajjiżek ma jkollok ċans tattendi għal kunċerti tagħhom.
“Il-qagħda ta’ Malta f’nofs il-baħar Mediterran, f’tarf l-Unjoni Ewropea u mhux ’il bogħod mill-kosta ta’ l-Afrika ta’ Fuq tagħtina l-opportunita’ li nattiraw għal dawn il-kunċerti viżitaturi minn barra. Dan diġa qed isir, iżda nemmen li nistgħu nagħmlu ferm aktar biex inkabbru l-preżenza barranija għal dawn il-kunċerti. Nemmen li b’aktar sinerġija bejn l-organizzaturi u l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta nistgħu nibnu niċċa oħra turistika,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li rringrazzja lil NnG Promotions għall-inizjattiva tagħhom.
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955