Messaġġ mis-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Konsumatur
“In-negozjant irid jiftakar li huwa jrid ikun ta’ servizz lejn il-konsumatur, biex b’hekk ikun jista’ jżomm u jkabbar il-klijentela tiegħu u jtejjeb ix-xogħol tiegħu. Minn naħa l-oħra, il-konsumaturi jridu jiftakru li minbarra d-drittijiet tagħhom, huma għandhom wkoll numru ta’ dmirijiet.”
Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo qal dan fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Konsumatur. “Fuq kollox, kemm in-negozjanti, kif ukoll il-konsumaturi jridu jiftakru li t-tnejn għandhom bżonn lil xulxin, u hemm bżonn li jirrispettaw lil xulxin.”
L-Onor. Edwin Vassallo fakkar li s-Segretarjat għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed aktar kmieni dan ix-xahar, nieda kampanja edukattiva bil-għan li kemm in-negozjanti kif ukoll il-konsumaturi jiftakru f’dan ir-rispett reċiproku li għandu jkollhom.
“Illum donnu qed jidher li f’ċerti każijiet kemm il-konsumatur kif ukoll min jaqdi ftit li xejn iħossu l-ħtieġa li għandhom jirringrazzjaw lil xulxin għal dik l-attivita’ kummerċjali li tkun seħħet bejn iż-żewġ partijiet. Għalhekk, kien deċiż li ssir kampanja edukattiva biex f’pajjiżna naraw li r-relazzjonijiet kummerċjali jirrispettaw aktar id-dinjita` tal-bniedem. Aħna nedejna l-kampanja “Għid Grazzi” aktar kmieni dan ix-xahar, biex infakkru fir-responsabbiltajiet tan-negozjanti u l-konsumaturi. Hemm min jistaqsi – Hemm bżonn kampanja edukattiva biex niftakru ngħidu grazzi? – iżda jien naħseb li wasalna f’punt fejn hemm bżonn li niftakru f’din il-korteżija bażika. Flimkien mas-Segretarjat ħadmu wkoll iż-żewġ banek ewlenin u rappreżentanti ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, li wkoll għarrfu l-importanza ta’ din il-kampanja. Irridu nifhmu li fis-soċjeta’ tagħna l-kummerċ ifisser servizz u mingħajr dan is-servizz, il-ħtiġijiet tal-konsumatur ma jkunux moqdija. Min-naħa l-oħra, min qiegħed fin-negozju, jrid jifhem ukoll li l-konsumatur irid ikun irringrazzjat għad-deċiżjoni li jkun ħa meta jkun xtara dak is-servizz jew prodott.”
“Nixtieq nieħu l-opportunita` f’Jum il-Konsumatur biex infakkar lin-negozjanti kollha li huma għandhom jirrispettaw lill-konsumaturi tagħhom u joffrulhom l-aħjar servizz possibbli. In-negozjanti m’għandhomx jinsew li jekk huma jagħtu servizz tajjeb lill-konsumaturi tagħhom, allura dawn ser jerggħu jiġu għandhom. Min jixtri mingħandek u jħoss li qed tagħti kasu, żgur li jerġa’ jfittxek u tkun irbaħtu bħala klijent. Hemm bżonn li f’pajjiżna naħdmu aktar fuq dan l-aspett tan-negozju. Il-konsumatur, min-naħa l-oħra, irid jiftakar li dik il-persuna li jkun qiegħed jinqeda mingħandha, qegħda tagħti servizz, u għandha tiġi rringrazzjata għal dak is-servizz. Il-messaġġ tagħna huwa wieħed sempliċi, li għandu bħala bażi r-rispett għad-dinjita` umana u għal xulxin. Il-konsumatur għandu drittijiet u obbligi u ma jistax jinsisti fuq id-drittijiet mingħajr ma jiftakar ukoll fid-dmirijiet tiegħu.”
“Jiena nawgura li, mhux biss fl-okkażjoni ta’ Jum il-Konsumatur iżda kull jum, in-negozjanti kollha jagħtu l-attenzjoni u s-servizz dovut lill-konsumaturi tagħhom. B’hekk biss ikunu qegħdin jiggarantixxu x-xogħol u l-għijxien tagħhom”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955