Left arrow Go Back

JIBDA X-XOGĦOL FL-ISKOLA TAL-ĦANDAQ

pr0297
Date Icon 28/02/2006

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea żar il-Liċeo tas-Subien M.A. Vassalli tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, biex isegwi l-bidu tal-kostruzzjoni ta’ din l-iskola sekondarja ġdida. Din l-iskola mistennija tkun lesta fi żmien tliet snin b’investiment ta’ Lm 3 miljun lira. Il-Ministru Galea kien akkumpanjat mill-President tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) is-Sur Ray Fenech u l-Kap ta’ l-iskola s-Sur Pawl Attard.

Kif ħabbar il-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi, l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi, fid-diskors tal-budget 2006, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni qed jaħdem biex f’din is-sena jitlesta l-proċess ta’ ħruġ ta’ permessi u tenders biex jibda x-xogħol fl-iskejjel sekondarji tal-Ħandaq (Qormi), Verdala (Bormla) u fin-Naxxar, kif ukoll skola primarja f’Pembroke.

Fil-fatt aktar kmieni din is-sena ġew approvati l-permessi mill-MEPA għall-bini ta’ skola ġdida f’Tal-Ħandaq u issa beda x-xogħol ta’ skavar f’din is-skola. Din l-iskola se tkun ta’ l-istess kwalitá ta’ l-Kulleġġ San Benedittu li l-Gvern bena f’Ħal Kirkop u li laqa` l-ewwel studenti fil-bidu ta’ din is-sena skolastika sentejn u nofs biss wara li tqiegħdet l-ewwel ġebla.

Il-Ministru Galea qal li l-FTS għandha sfida qawwija biex twettaq il-proġett tal-Gvern li jimmodernizza l-iskejjel kollha ta’ l-Istat u fl-istess ħin jibni l-iskejjel il-ġodda li hemm bżonn. Louis Galea qal li dan il-proġett ser isir mingħajr ma jtellef mill-edukazzjoni tat-tfal.

L-Iskola tal-Ħandaq bdiet topera fil-bidu tas-snin tmenin minn bini użat fi żmien l-Ingliżi li mhux addatt għat-tagħlim fiż-żminijiet tal-lum. Bil-proġett tal-FTS se tinbena skola kompletament ġdida f’parti mill-iskola fejn bħalissa m’hemmx bini. L-iskola se tkun waħda ta’ l-ogħla kwalità.

Il-bini se jitla fuq ’footprint’ ta’ madwar 3000 metru kwadru u se jkollu tliet sulari. Il-Kulleġġ se jkollu 40 klassi u 45 kamra għar-riżorsi, 8 laboratorji tax-xjenza u 7 oħra tat-teknoloġija, 6 laboratorji tal-kompjuter, klassijiet speċjali għat-tagħlim tad-drama, mużika, arti u ċeramika, studji ambjentali, tisjir, guidance, klinika, uffiċini għall-Kap u l-amministrazzjoni, kmamar għall-laqgħat, kif ukoll sala multipurpose, fost l-oħrajn.

L-iskola ser tkun kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilita’ u ser tkun mgħammra b’lifts apposta. Il-Kulleġġ se jkollu spazji rikreattivi madwar l-iskola. Ser hemm ukoll żewġ parkeġġi li jesgħu aktar minn 100 karozza. Id-disinn u l-materjal li qed jintużaw fil-bini jirrispetta l-ambjent, kemm f’dak li hu riċiklaġġ kif ukoll fl-użu ta’ enerġija alternattiva. Se tinbena wkoll triq ġdida fuq barra ta’ l-iskola minflok dik li hemm bħalissa li taqsam l-iskola. B’dan il-mod se jitnaqqas il-periklu ta’ karozzi li jgħaddu minn postijiet fejn normalment ikun hemm l-istudenti.

Barra l-Kulleġġ il-ġdid San Benedittu u l-iskola f’Tal-Ħandaq fix-xhur li ġejjin mistenni jinbeda wkoll xogħol fuq l-Iskola tal-Verdala. Għaddej ukoll ix-xogħol preparatorju fuq skola sekondarja ġdida fil-Mosta u skola primarja ġdida f’Pembroke. Permezz ta’ l-FTS, il-Gvern diġà wettaq investiment ta’ madwar 16-il miljun f’xogħlijiet ta’ manutenzjoni u bini fl-iskejjel tiegħu u fl-istess ħin stabilixxa standards ġodda kif jinbnew u jiġu modernizzati l-iskejjel b’tali mod li jsiru skejjel ta’ għada.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

More Press Releases Right arrow