LAUNCH TAR-RAPPORT ANNWALI TAL-KUMMISSARJU GĦAT-TFAL
Nota: L-Onor. Clyde Puli ndirizza l-konferenza stampa bħala rappreżentant tal-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Onor. Dolores Cristina, li ma setatx tattendi minħabba obbligazzjonijiet ministerjali oħra.
Jekk l-isfida tal-pensjonijiet qiegħda ssir dejjem aktar imminenti, hekk ukoll l-isfida tal-ħarsien tat-tfal tagħna qiegħda tiġi ttrattata b’pass dejjem aktar mgħaġġel, anke jekk b’mod meqjus u studjat. Illum sirna nħarsu lejn it-tfal minn perspettiva moderna: mhux sempliċement bħala wlied suġġetti għad-dixxiplina tal-ġenituri tagħhom, iżda aktar minn hekk bħala individwi u bħala membri ta’ familja u ta’ komunita`, bi drittijiet u responsabbiltajiet, attribwiti skond l-eta` u l-istadju ta’ żvilupp tagħhom.
Kien għalhekk li fl-1990, il-Gvern iffirma u rratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. U kien għalhekk li fl-2003 ġew stabbiliti b’att legali, il-Kunsill tat-Tfal u l-Kummissarju ghat-Tfal.
Dan ir-rapport li jkopri l-perjodu, Jannar-Diċembru 2005, huwa t-tieni rapport li qiegħed jiġi ppreżentat minn dan l-Uffiċċju. U naħseb li taqblu miegħi li minkejja li dan l-Uffiċċju għadu, bħal dawk li jħares li jipproteġi, fl-infanzja tiegħu, huwa evidenti li l-ħidma tal-Kummissarju qiegħda issa tibda tieħu sura u direzzjoni.
Kif jindika, l-istess rapport annwali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju din is-sena għażel li jikkonċentra fuq 4 issues prinċipali A) It-Tfal u l-Media B) It-Tfal u l-Użu tal-Internet C) Taħriġ Għaż-Żgħażagħ Dwar Drittijiet tat-Tfal D) Tfal b’Imġieba Diffiċli.
Ovvjament baqa’ ħafna xi jsir iżda wieħed ma jistax ma japprezzax sena oħra ta’ ħidma siewja.
Meta tiġi analizzata l-ħidma tal-Kummissarju tat-Tfal, wieħed m’għandux jekwipara la l-ħidma u l-anqas n-nefqa fuq dan l-uffiċċju, minkejja li dawn it-tnejn żdiedu, man-nefqa u l-ħidma tal-Gvern fuq il-kura tat-tfal. Il-ħidma tal-gvern f’dan il-qasam hija ħafna aktar komprensiva minn hekk :
A) L-akbar benefiċċjarji ta’ Lm110 miljun investiti fil-qasam ta’ l-edukazzjoni tagħna huma t-tfal. Min se jgawdi mill-bini ta’ skejjel, bħalma huma San Benedittu f’Ħal Kirkop u Liceo Vassalli f’Ħal Qormi?
B) Il-benefiċċjarji netti ta’ madwar Lm 3miljun lira fuq facilitators huma t-tfal ;
C) Ir-Riforma ntitolata For All Children to Succeed u numru ta’ dokumenti oħra li janalizzaw diversi aspetti ta’ l-Edukazzjoni ;
D) Fit-tfassil tal-policies, inizjattivi u proġetti, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni qiegħed jikkonsulta u jitlob il-parteċipazzjoni sħiħa tat-Tfal ;
E) Parti sostanzjali tan-nefqa ta’ Lm2.3 miljun li qed jiġu mgħoddija din is-sena lill-aġenzija Appoġġ, wkoll tmur fuq it-Tfal ;
F) Is-Support Line 179 li din is-sena jagħlaq 10 snin ;
G) s-servizzi ta’ konsultazzjoni u taħriġ li jingħataw mill-Appoġġ lill-professjonisti li jaħdmu mat-tfal ;
| H) | Analiżi li wettaq id-dipartiment għall-Istandards tal-Ħarsien Soċjali, tat-titjib meħtieġ fil-35 faċilita’ li jieħdu ħsieb it-tfal ta’ taħt 3 snin matul il-jum, pre kinder ; |
| I) | Il-programm ġdid Innoċenti huwa wkoll immirat biex it-tfal bi mġieba diffiċli, li bħalissa jinsabu fil-young persons unit ta’ l-istpar Monte Carmeli jiġu integrati fil-komunita` ; |
J) Taħriġ mill-Ministeru tas-Saħħa joffri lill-għalliema fis-saħħa sesswali ;
| K) | Diversi taħdidiet fl-iskejjel mid-dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa ; |
| L) | U elenku sħiħ ta’ inizjattivi li l-gvern jieħu kontinwament b’risq il-ħarsien u l-kura ta’ uliedna. |
Dawn l-affarijiet kollha qed isiru propju, għaliex il-gvern, bhal Kummissarju ghat-Tfal, jemmen li t-Tfal ma jistgħux jistennew, anzi kien propju għal dan il-għan li l-gvern waqqaf l-istess uffiċċju tal-Kummisarju għat-Tfal.
Nixtieq nispjega li, b’referenza għaċ-Children’s Act li ssemma fir-rapport, wieħed jeħtieġ jifhem li altru milli liġi sempliċi, din hija liġi pjuttost komplessa. Jiena nifhem u napprezza s-sejħa għal Children’s Act iżda hawnhekk m’huwiex il-każ ta’ xi quick fix. Għal dan il-għan il-Ministeru jħoss li l-approċċ addattat għal din il-liġi għandu jkun wieħed li jikkonsidra n-nuqqasijiet li jeżistu fil-legislazzjoni preżenti biċċa biċċa, bħal kif qed isir, eżempju fil-każ tal-Fostering Act, biex pass pass u bil-għaqal kollu meħtieġ, jibni fuq biċċiet ta’ legislazzjoni b’saħħitha biex finalment jikkostitwixxi liġi komprensiva u daqstant b’saħħitha, fl-aħjar interess tat-Tfal.
F'dan ir-rigward il-gvern diġa’ għaddej bil-ħidma tiegħu , billi eżempju:
A) Inħoloq l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal permezz ta’ l-Att dwar il-Kummissarju għat-Tfal;
B) Gew emendati r-Regolamenti dwar Tfal u Żgħażagħ (Ordnijiet għall-Ħarsien) sabiex nifformalizzaw il-proċeduri li jirrigwardaw il-ħrug ta’ Ordnijiet għall-Ħarsien (Care Orders) u b'hekk nassiguraw sistema dejjem aktar trasparenti;
C) Ġiet emendata wkoll il-Kodici Ċivili fejn tneħħew id-differenzi li kienu jeżistu bejn tfal li twieldu minn ġenituri miżżewġin u tfal li twieldu barra ż-żwieg;
D) Ġie emendat l-Att dwar is-Siġurtà Soċjali u b'hekk żdiedet iċ-children’sallowance għal dawk il-familji li għandhom tlett itfal jew aktar;
E) Ingħatat aktar protezzjoni lill-minuri fil-qasam tax-xandir billi ġew introdotti dispożizzjonijiet ġodda li jirregolaw dan il-qasam;
F) Importanti ferm huwa l-Att dwar il-Vjolenza Domestika li jipprovdi wkoll protezzjoni għat-tfal. Ta’ min wiehed isemmi wkoll il-protezzjoni speċjali li din il-liġi ser tagħti lil trabi li huma konċepiti iżda mhux imwielda;
G) M’għandniex ninsew il-proposta dwar jekk l-abort għandux jiġi projibit ukoll bil-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali jaqbel mall-bżonn ta’ Fostering Act, ukoll msemmija fir-rapport tal-Kummissarju, u fil-fatt jien informat li l-istess Ministeru, fil-mument huwa attivament involut fl-abbozzar ta’ din il-liġi. Il-liġi għandha tkun mezz ta’ regolamentazzjoni u fl-istess ħin mezz ta’ sostenn għall-dawk il-persuni li b’tant generosita’ u mħabba qiegħdin jagħżlu li jiffosterjaw.
L-istess Ministeru bħalissa għaddej ukoll b’xogħol fuq id-drafting ta’ liġi dwar l-Adozzjoni, liema xogħol nistgħu ngħidu li qorob lejn l-aħħar fażijiet tiegħu wkoll.
Filwaqt li kif spjegat, għaddeja ħidma kontinwa biex jiġu aġġornati d-diversi liġijiet li jikkonċernaw il-Ħarsien tat-Tfal, irridu nifhmu li dan l-aġġornament huwa fih innifsu proċess kontinwu. Anki l-istess att dwar il-Kummissarju u l-Kunsill għat-Tfal, li bdejna bih sentejn ilu jidher li jeħtieġlu aġġornament. Filwaqt li għadu prematur biex wieħed jiddiskuti it-tibdiliet meħtieġa, waħda mir-riformi li nixtieq nara jiena f’dan ir-rigward hija definizzjoni aktar adekwata tal-funzjoni li għandu jkollu l-Kunsill tat-Tfal li fl-opinjoni modesta tiegħi sal-lum għandu rwol pjuttost diminuttiv. Inħoss li l-Att jikkonċentra wisq is-saħħa tad-deċiżjoni fuq persuna waħda, jiġifieri iċ-chairperson tal-Kunsill li huwa il-Kummissarju tat-Tfal. Ninsab ċert li jkun aktar ta’ ġid jekk il-liġi twessa’ l-ispazju ta’ fejn jittieħdu id-deċiżjonijiet. Meta ngħid dan irrid nemfasizza li hawnhekk mhiniex neżamina l-ħidma tas-Sinjura Camilleri per se, iżda l-limitazzjonijiet li jirrizulta li qed toffri l-liġi.
Kif irrappurtat fil-messaġġ introduttorju tal-Kummissarju, beda l-proċess biex is-sit ta’ l-uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal jiġi trasferit f’sit ieħor lil hinn mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali: u l-Kummissarju tuża l-kliem “sabiex l-Indipendenza ta’ l-uffiċċju mill-gvern tkun emfasizzata.” Issa bħal f’diversi każi ohra jiena nifhem xi tkun qed tgħid il-Kummissarju, iżda forsi bħal f’każi oħra wkoll, naħseb li l-użu tal-kelma tagħti lok għal interpretazzjoni mhux preċiża. L-Uffiċċju tal-Kummisarju tat-Tfal huwa mwaqqaf biex ikun Indipendenti fil-funzjonijiet tiegħu iżda jagħti rendikont amministrattiv lil Ministru responsabbli. Distinzjoni fina iżda essenzjali.
Fil-fatt filwaqt li l-Gvern ma jindaħalx fit-tmexxija generali ta’ l-uffiċċju, l-Uffiċċju jibqa’ accountable lejn il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali kif tipprovdi l-istess il-liġi. Dan kif huwa l-każ ta’ entitajiet governattivi oħra. Għaliex kif titlob kull demokrazija serja, iridu jkunu l-Gvern u r-rappreżentanti tal-poplu li jġorru r-responsabbilta’ finali. U għalhekk iridu jkunu huma li finalment jikkordinaw u jelenkaw il-prijoritajiet minn numru ta’ bżonnijiet li dejjem jiżdiedu u jinbidlu matul iż-żminijiet. B’dan il-mod nassiguraw li l-Kummissarju tat-Tfal jibqa’ ħolqa importanti f’katina sħiħa ta’ servizzi li flimkien jikkostitwixxu x-xibka ta’ solidarjeta’ li aħna tant kburin biha u li tant nagħmlu sforzi biex immantnuha.
Għall-darba oħra prosit u grazzi lill-Kummissarju għat-Tfal u lill-uffiċċju tagħha għall-ħidma fejjieda tagħhom.
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951