IL-GVERN IRID ISAĦĦAĦ U JKABBAR L-UNIVERSITÀ
Il-Gvern appunta l-membri tiegħu fuq il-Kunsill ta’ l-Universita` kif titlob il-liġi dwar l-edukazzjoni. Skond il-liġi, l-Prim Ministru jaħtar tnax-il membru li jirrappreżentaw l-interess ġenerali tal-pajjiż filwaqt li l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni jaħtar ir-rappreżentant tiegħu. Il-Kunsill ta’ l-Università hu magħmul minn rappreżentanti ta’ l-akkademiċi, ta’ l-istudenti, u tal-ħaddiema l-oħra; kif ukoll minn rappreżentanti tal-Gvern. Il-Kunsill hu l-ogħla organu ta’ tmexxija ta’ l-Università. L-ismijiet tal-membri maħtura mill-Gvern jidhru fil-lista meħmuza.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Louis Galea iltaqa` mal-membri tal-Kunsill li ħatar il-Gvern hekk kif qed jidħlu għall-kariga tagħhom. Il-Ministru Louis Galea fisser il-funzjonijiet tal-Kunsill ta’ l-Università kif huma stabbiliti fil-liġi. Huwa spjega li l-politika kostanti tal-Gvern hi r-rispett għall-awtonomija u l-libertà akkademika ta’ l-Università kif imfissra fil-liġi dwar l-edukazzjoni, li dan il-Gvern kien għadda fl-1988.
Louis Galea spjega li l-Gvern qed jaħdem biex isaħħaħ u jkabbar l-oqsma ta’ l-edukazzjoni ogħla u ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali u ta’ taħriġ. “L-Università hi istituzzjoni nazzjonali ta’ l-aqwa importanza. Bis-saħħa tagħha l-poplu Malti u Għawdxi seta` jkollu l-mexxejja tiegħu u l-professjonisti fl-oqsma kollha ekonomiċi, soċjali, kulturali u politiċi. Il-Gvern investa bil-kbir fl-Università biex illum qed taqdi ma’ l-10,000 student, fil-maġġoranza tagħhom nisa.”
Louis Galea fisser li l-pajjiż jeħtieġ jilħaq livell ogħla ta’ żvilupp paragunabbli ma’ dak ta’ pajjiżi oħra ewropej. In-numru ta’ żgħażagħ u adulti, Maltin u Għawdxin, li jmorru l-Università illum jilħaq it-22%. Il-Gvern qed jaħdem biex ikabbar l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni terzjarja bl-iskop li din il-figura titla’ għall-35%.
Il-Gvern inkariga l-grupp li mexxa is-sur Roderick Chalmers biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri meħtieġa biex l-Università u l-qasam kollu ta’ edukazzjoni ogħla jkollu bażi finanzjarja tajba, li kapaċi ssostni sew numru akbar ta’ studenti, kif ukoll kwalità ta’ korsijiet u ċertifikati li jkunu rikonoxxuti fid-dinja kollha. Ir-Rapport Chalmers irrakkomanda wkoll it-twaqqif ta’ Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla li għada kif twaqqfet.
Il-Ministru Galea fisser li l-Gvern qed jaħtar il-membri tiegħu fuq il-Kunsill ta’ l-Università f’mument importanti ħafna fl-istorja ta’ l-edukazzjoni f’Malta. “Il-Gvern qed jaħdem ma’ dawk kollha nvoluti biex iwettaq proċess ta’ riformi u aġġornament tas-sistema kollha edukattiva. Fis-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla l-Gvern irid jara żvilupp fit-tliet oqsma: dak ta’ l-Università, ta’ l-MCAST, u tas-settur privat.
Il-mira hi doppja: biex aktar Maltin u Għawdxin ikollhom l-aqwa opportunitajiet għal studju, taħriġ u riċerka f’dan il-livell, u biex Malta issir ċentru ta’ servizzi edukattivi għall-barranin,” temm jgħid Louis Galea.
Other Press Releases:
PR261951
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...
PR261950en