Left arrow Go Back

DIPLOMAZIJA TA’ L-EDUKAZZJONI GĦALL-PAĊI U ŻVILUPP

pr0169
Date Icon 06/02/2006

“Id-diplomazija ta’ l-edukazzjoni tista` tkun żviluppata fl-aqwa għodda għall-iżvilupp tal-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp fil-pajjiżi kollha ta’ l-area ewro-mediterranea. Il-forma tradizzjonali ta’ diplomazija tibqa’ għodda essenzjali fil-politika barranija. Iżda l-ħidma flimkien permezz ta’ ‘networking’ fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni, ir-riċerka u t-teknoloġija, hi strateġija aktar effettiva biex jitkattru l-għarfien ta’ kulturi differenti, jiġu attakkati l-preġudizzji, u tinħoloq l-għodda biex il-popli b’dinjita` jagħrfu jwettqu żvilupp sostenibbli li jirrispetta d-dinjita` u l-identita` tagħhom.”

Dan kien il-qofol tal-messaġġ li Louis Galea, Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, għadda lid-delegati minn pajjiżi Ewropej u Mediterranji meta nieda l-proġett EUMEDGRID. Il-laqgħa kienet ukoll indirizzata mir-Rettur ta’ l-Universita` l-Professur Roger Ellul-Micallef.

Il-proġett EUMEDGRID hu inizjattiva li bdiet din is-sena, tal-programm ta’ riċerka taħt is-Sitt Qafas (6th Framework) tal-UE. L-Universita` ta’ Malta hi attiva ħafna f’dan il-proġett flimkien ma’ l-Italian National Institute for Nuclear Physics (INFIN), il-Greek Research and Technology Network (GRNET), il- European Particle Physics Laboratory (CERN), il-UK Delivery of Advanced Network Technology to Europe (DANTE), u istituzzjonijiet oħra minn Spanja, Ċipru, l-Eġittu, it-Tuneżija, il-Marokk, Sirja, u l-Alġerija.

L-iskop tal-proġett EUMEDGRID hu li jġib pajjiżi jaħdmu flimkien fuq riċerka dwar kif joħolqu l-infrastruttura għal xibka tal-kompjuters (grid infrastructure) li tipprovdi faċilitajiet għal aċċess u ħażna ta’ informazzjoni fuq skala kbira mifruxa fuq l-akbar ‘area’ possibbli. Din it-teknologija, magħrufa bħala grid computing, hi maħsuba li toħloq kollaborazzjoni fuq skala li qatt ma eżistiet bħala bejn riċerkaturi u xjentisti dwar oqsma bħal bioteknolġija u high energy physics kif ukoll problemi lokali.

Il-Ministru Louis Galea sostna li Malta dejjem tat importanza lil vokazzjoni tagħha għal networking bejn il-pajjiżi fl-erbat irjieħ tal-Mediterran. Bis-sħubija ta’ Malta fl-UE din il-vokazzjoni kattret l-importanza u l-potenzjal tagħha. “Jidher biċ-ċar li fl-area ewro-mediterranea, l-aktar element importanti li għandna nagħtu każ u napprezzaw hu l-kulturi differenti li jinfluwenzaw bil-kbir is-sistemi ta’ gvernar u żvilupp soċjo-ekonomiku. Il-ftehim u l-fiduċja reċiproka bejn il-pajjiżi jinħtieġu n-‘networking’ bejn gruppi u istituzzjonijiet diversi li jaħdmu flimkien fl-għeruq ta’ kull socjeta` fuq proġetti ta’ interess u ġid komuni. Il-qasam l-aktar adattat għal dan in-‘networking’ huwa l-edukazzjoni u r-riċerka xjentifika u teknoloġika,” qal Louis Galea.

Malta diġa` ħadet diversi inizjattivi ta’ ‘networking’ bejn Universitajiet u istituzzjonijiet fl-area ewro-mediterranea. Inizjattiva importanti hi t-twaqqif tal-Fondazzjoni Temi Żammit li flimkien ma’ l-Università Virtwali ta’ Avicenna qed jiżviluppaw programm ta’ tagħlim minn distanza (e-learning).

Inizjattiva oħra kienet dik taċ-Ċentru Malti tar-Restawr fil-qasam ta’ riċerka u taħriġ ta’ konservazzjoni u restawr tal-wirt enormi li għandhom il-pajjiżi f’dan ir-reġjun. Malta, permezz ta’ l-Università, l-MCAST u skejjel, qed tkabbar in-networks ta’ kuntatti u skambji bis-saħħa tal-programmi tal-UE. Infatti l-Università qed tikkoordina n-Network tematiku tal-Programm Socrates dwar id-djalogu fil-Mediterran fejn qed jieħdu sehem 83 partners mill-area tal-EwroMed.

Fl-aħħar ta’ Jannar li għadda, il-Ministri responsabbli għall-edukazzjoni ogħla tal-pajjiżi tal-Mediterran iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Catania li permezz tagħha ftehmu li jaħdmu flimkien bl-iskop li joħolqu area ewro-mediterranea ta’ edukazzjoni ogħla.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

More Press Releases Right arrow