Proġetti ta’ tisbiħ mill-ħaddiema tal-Gvern fil-qalba ta’ l-irħula
Bħala parti mill-impenn tal-Gvern li jsebbaħ pjazez u irħula madwar Malta, ingħata bidu għal xogħol ta’ tisbiħ ġenerali tal-pjazza u zuntier ġdid quddiem il-Knisja ta’ Birżebbuġa. Ħaddiema mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura bdew il-ħidma tagħhom sabiex jagħtu dehra isbaħ u li tixraq lil wieħed mill-ikbar znieter ġewwa pajjiżna. Dan il-proġett seta’ jibda wara konsultazzjoni wiesa’ mar-residenti u awtoritajiet lokali.
Il-Ministru Ninu Zammit żar ix-xogħlijiet li preżentament għaddejjin fuq in-naħa ta’ wara tal-Knisja. Hawn insibu ġnien żgħir li wara li nqala’ mill-qiegħ qed jerġa jinbena b’disinn ġdid. Dan id-disinn għandu jżid il-parkeġġ għal karozzi. Bħal f’kull ġnien u promenade li jibnu ħaddiema mit-Taqsima tax-Xogħlijiet, il-proġett ikun ikkumplimentat bi street furniture u dwal dekorattivi li wkoll jinħadmu fl-istess Taqsima. Dan qiegħed iwassal għal użu massimu tar-riżorsi umani li jipposjedi dan il-Ministeru.
Wara li jintemm dan ix-xogħol għandu jibda jinqala’ l-wiċċ eżistenti taz-zuntier tal-Knisja. Minflok se jitpoġġa paviment tal-porfido mżewwaq bil-ġebla tal-qawwi. B’kollox se jitpoġġa l’fuq minn 750 metru kwadru ta’ pavimentar fuq dan iz-zuntier. Huwa pjanat li tkun installata sistema ta’ dawl ġdida bl-iskop li tagħti dehra iktar majestuża lil Knisja.
Il-Ministru Zammit fakkar li xogħol simili minn ħaddiema tal-Gvern jinsab għaddej fil-pjazez ta’ Ħal-Kirkop u Ħal-Lija. Fl-aħħar sentejn il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastuttura diġa wettaq proġetti fuq l-istess skala u stil fil-pjazez ta’ Ħal Safi u l-Mellieħa. F’dawn il-proġetti kollha qed issir ħidma sabiex ikunu aċċessibli għal persuni b’diżabilita’.
Il-proġett f’Birżebbuġa huwa pjanat li jintemm sa nofs is-sena u għandu jiswa madwar Lm180,000, liema investiment jinkludi wkoll il-pagi tal-ħaddiema.
Minbarra proġetti diretti fl-irħula mill-Gvern, il-ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jwettqu wkoll ħidma varja ma’ diversi Kunsilli Lokali fuq bażi ta’ joint venture. Din it-tip ta’ ħidma ġiet introdotta fl-aħħar sentejn u ħalliet bosta riżultati sodisfaċenti. Fost il-Kunsilli Lokali li l-iktar ibbenefikaw minn din l-iskema nsibu dawk ta’ Birkirkara, Bormla, Wied il-Għajn, Ħal-Lija, is-Siġġiewi u San Ġwann.
Other Press Releases:
PR261951
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...
PR261950en