Korsijiet fl-imprenditorija ghal min jahdem ghal rasu (self employed)
“Qegħdin inkomplu naħdmu biex aktar nies fin-negozju jiksbu ħiliet li jgħinuhom biex ikunu jistgħu jaħdmu aħjar. Għal dan il-għan, is-Segretarjat tiegħi, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni Adulta fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, kif ukoll mal-Ministeru għal Għawdex, qiegħed jorganizza t-tieni serje ta’ korsijiet fl-imprenditorija għas-self-employed.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha tħabbru dawn il-korsijiet.
L-Onor. Vassallo kompla billi ta dettalji tal-korsijiet.
| “Dawn il-korsijiet, li qegħdin jiġu offruti b’xejn, ser isiru f’ħames | lokalitajiet, inkluż f’Għawdex, darbtejn fil-ġimgħa għal ħames ġimgħat. Il-korsijiet ser isiru fi ġranet differenti, skond il-lokalita’: |
| It-Tnejn u l-Erbgħa | Rabat Kunsill Lokali, 8, Triq l-Isptar |
| It-Tlieta u l-Ħamis | San Ġwann Kunsill Lokali, 55, R. Caruana Dingli Str. |
| Il-Ħamis u l-Ġimgha | Birkirkara Birkirkara Civic Centre, Triq Tumas Fenech |
| It-Tnejn u t-Tlieta | Attard Skola Primarja Tumas Dingli, Triq Ħal-Warda |
| Dawn | il-korsijiet ser isiru bejn is-2.00 pm u l-4.00 pm. |
| F’Għawdex | ser isiru nhar ta’ |
| Tlieta | u Ħamis Rabat Sir Michelang Refalo, Centre for Further Studies |
bejn is-7.00 pm u d-9.00 pm.
Min ser jattendi u jieħu sehem f’dawn il-laqgħat ser ikun megħjun itejjeb il-kapaċitajiet tiegħu fis-segwenti suġġetti:-
1. Żvilupp, etika u kummerċ ġust
2. L-iżvilupp ta’ intrapriża kummerċjali
3. L-elementi li jagħmlu negozju
4. Ħaddiema
5. Finanzi
6. Użu ta’ kompjuter
7. Żvilupp ta’ ħiliet
8. Promozzjoni tan-negozju
9. Kif tieħu ħsieb il-klijenti
10. Kreattivita` u innovazzjoni fin-negozju.”
Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li “din is-sena s-Segretarjat ħadem biex iwettaq numru ta’ inċentivi dwar l-edukazzjoni fl-imprenditorija, li jagħmlu parti mill-Pjan ta’ Ħidma li jiġi ppubblikat kull sena. Dan il-Pjan ta’ Ħidma huwa bbażat fuq iċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar, u bl-implimentazzjoni ta’ l-inċentivi fil-Pjan ta’ Ħidma qegħdin ukoll nimplimentaw iċ-Charter Ewropew. Din il-ħidma hi parti minn ħidma oħra li qegħda ssir biex jiġu fis-seħħ dawn l-inizjattivi:
- Ser ikun ippubblikat ktejjeb b’informazzjoni ġenerali dwar il-proċeduri li jgħaddi minnhom min ikun irid jiftaħ negozju. Dan il-ktejjeb huwa ta’ interess għal start-ups u ser jitqassam ukoll lill-istudenti ta’ l-MCAST ta’ l-aħħar sena.
- Ser jiġi ppubblikat ukoll fuljett b’informazzjoni dwar il-liġijiet li jirregolaw in-negozju, biex dawn ikunu jinftiehmu faċilment. Dan il-ktejjeb ukoll ser ikun imqassam lill-istudenti ta’ l-MCAST u lil dawk li qegħdin fin-negozju.
- Qegħdin ikunu mgħejjuna biex jaslu għas-suċċess tagħhom l-iSCOOPS, Young Enterprise u Start-Up Malta, u dan il-metodu ta’ learning by doing huwa l-aħjar taħriġ fl-imprenditorija (entrepreneurship).
- Fil-preżent għaddej proġett pilota (pilot project) fejn qegħdin nikkordinaw eżerċizzju ta’ għoti ta’ informazzjoni lill-istudenti tal-Kulleġġi ta’ l-MCAST ta’ l-aħħar sena, sabiex dawn ikollhom l-iżjed informazzjoni bażika rigward l-opportunitajiet li jista’ jkollhom f’karriera bħala imprendituri, fejn dawn qegħdin jiġu mistiedna biex jaħsbu fuq il-possibilta` li fil-ġejjieni jkollhom in-negozju tagħhom.
- Qegħed jitħejja proċess li permezz tiegħu ser inkunu nistgħu nitkellmu ma’ ex-studenti tal-kulleġġi ta’ l-MCAST li diġa għandhom negozju, bil-ħsieb li l-kulleġġi ta’ l-MCAST maż-żmien ikunu sors ta’ lifelong learning għal ex-studenti li jkunu daħlu fid-dinja tal-kummerċ.
- B’ħidma kkordinata flimkien ma’ Start-Up Malta, ser inkunu nistgħu nniedu inizjattiva li permezz tagħha, ngħinu studenti universitarji li - jew ikunu jixtiequ aktar informazzjoni fuq l-opportunitajiet fl-imprenditorija, - jew li jkunu jixtiequ jibdew in-negozju tagħhom waqt li għadhom studenti.
“B’dawn il-korsijiet, kif ukoll bix-xogħol l-ieħor li qiegħed isir dwar edukazzjoni fl-imprenditorija, qegħdin dejjem niffaċilitaw l-aċċess tas-self employed u s-sidien tan-negozji żgħar tagħna għall-edukazzjoni, biex b’hekk huma dejjem ikunu jistgħu jtejjbu x-xogħol u l-operat tagħhom.
“F’pajjiżna diġa għandna kompetizzjoni li tixhed li hawn numru kbir ta’ imprendituri li qegħdin fin-negozju, iżda, minkejja l-ħafna li għandna, għad għandna post għal aktar attivita` kummerċjali. Li jinħtieġ hu li jkollna min jidħol fin-negozju b’idejat ġodda. Ma jistax jibqa’ jkollna ħafna negozji bħal bosta li diġa għandna, u allura għandna bżonn li min qiegħed fin-negozju jieħu bis-serjeta` l-kunċett tal-lifelong learning. Dan ifisser li waqt li jkun fin-negozju jħarreġ l-abilita` tiegħu dwar kif jista’ jkun aktar innovattiv u hekk ikun aħjar fin-negozju tiegħu,” temm s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Other Press Releases:
PR261951
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...
PR261950en