Left arrow Go Back

L-aħħar preparazzjonijiet għall-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa

pr0146
Date Icon 02/02/2006

“Għat-tieni sena konsekuttiva, r-rebbieħ/a tal-festival Kanzunetta Maltija għall-Ewropa se jintagħżel kompletament mill-pubbliku permezz tat-televoting. Id-differenza din is-sena hi li l-ħin allokat għat-televoting tniżżel għal 10 minuti minflok in-nofs siegħa li kien jingħata qabel. Filwaqt li t-tnaqqis fil-ħin ma jnaqqas xejn minn numru ta’ dawk li jkunu jridu jivvutaw, fl-istess waqt jikkontribwixxi biex il-ħin tal-festival ma jitwalx bla bżonn.” 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech qal dan meta żar iċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi fejn qed isiru l-aħħar tħejjijiet għall-Festival Kanzunetta għall-Ewropa li se jkun organizzat nhar il-Ġimgħa u nhar is-Sibt li ġej. Min jirbaħ dan il-festival se jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest li din is-sena se jsir f’Ateni, il-Greċja fl-20 ta’ Mejju 2006. 

Il-Ministru Zammit Dimech, li kien akkumpanjat minn Robert Abela, Chairman tal-‘Board’ tal-Maltasong u membri oħra ta’ l-istess ‘board’, tenna l-interess kbir li dan  il-festival jiġġenera fost il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Hu qal li għalhekk kien importanti li l-organizatturi u l-parteċipanti jagħtu sehemhom biex dan il-festival ikun suċċess u biex minnu toħroġ l-aħjar kanzunetta li permezz tagħha nkunu nistgħu nikkompetu b’suċċess. 

“Il-Festival Kanzunetta Maltija għall-Ewropa huwa sfida u opportunita’ għall-awturi, kompożituri u kantanti Maltin  biex joħorġu l-aħjar talenti tagħhom; konxji li qed jippreżentaw kanzunetta li trid tikkompeti ma’ dawk tal-pajjiżi l-oħra kollha ta’ l-Ewropa, li għandhom ħafna aktar minnha mnejn jagħżlu. Iżda kif għamilna fl-imgħoddi, jien ċert li anke din is-sena, se jkollna biex nikkompetu u biex nagħmlu isem tajjeb għal pajjiżna,” qal il-Ministru Zammit Dimech.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Festival Kanzunetta Maltija għall-Ewropa hu espressjoni lirika u mużikali tal-kanzunetta Maltija li rridu li tkompli tieħu postha fid-dinja għaliex anke il-kanzunetta Maltija tagħżilna minn popli oħra u tagħtina identita’. Kompla jgħid illi dan il-Festival sar issa parti mill-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna. Kien mistenni b’tant ħerqa li l-biljetti għalih kollha kienu  nħatfu. Hu qal li dan il-festival kien  jgħin biex Malta tingħata promozzjoni fl-Ewropa bħala l-pajjiż fejn il-kultura tintagħġen ma’ attivitajiet oħra, biex nagħtu lit-turist dik l-esperjenza li pajjiżi oħra mhux bilfors joffru.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

More Press Releases Right arrow