Konferenza Nazzjonali dwar is-sistema MATSEC ser tixxandar live għada bejn l-4.00 p.m. u s-7.00 p.m. fuq l-istazzjoni Education 22
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni qed jorganizza din il-Konferenza bl-iskop li jiġi diskuss ir-rapport li ġie ppublikat ftit ilu dwar is-sistema ta’ l-eżamijiet MATSEC li tlesta minn Working Group immexxi minn Dr Grace Grima.
Il-Konferenza se ssir u tiġi trasmessa mil-Lukanda New Dolmen u se tkun miftuħa għal għalliema, studenti, ġenituri u dawk kollha li jinteressahom dan is-suġġett. Ix-xandira diretta għandha tgħin lil dawk li mhux possibbli għalihom li jattendu l-Konferenza, li jieħdu sehem dirett f’dan id-djalogu nazzjonali.
Il-Konferenza se tieħu xejra mhux tas-soltu billi se tkun tinkludi siltiet dramatizzati miktuba għal ta’ l-apposta mill-edukatur u attur John Suda, filmati meħuda waqt laqgħat ma’ l-istudenti fejn dawn intalbu jirreagixxu għad-dokument u jistaqsu l-mistoqsijiet li jridu, kif ukoll interventi minn esperti u personalitajiet li għandhom jagħmlu d-diskussjoni aktar animata u interessanti.
Il-Konferenza se tkun tinkludi għaxar workshops dwar diversi aspetti tar-rapport fosthom l-Eżamijiet tas-SEC, il-lingwa użata fl-eżamijiet, il-parteċipazzjoni ta’ l-għalliema fil-proċess ta’ l-eżamijiet, is-sessjonijiet supplimentari, ir-reviżjoni tal-karta ta’ l-eżami, l-arranġamenti għal studenti bi ħtiġijiet speċjali, is-suġġetti tekniċi u vokazzjonali, iċ-ċertifikazzjoni ta’ kompetenzi bażiċi fis-suġġetti ewlenin, il-livell ta’ l-Ingliż u servizzi oħra offruti mill-MATSEC. Il-parteċipanti tal-konferenza se jkunu jistgħu jistaqsu mistoqsijiet jew jagħmlu suġġerimenti dwar kwalunkwe aspett tar-rapport dwar il-MATSEC.
Waqt li jkunu għaddejin il-workshops ix-xandira fuq Education 22 tkompli permezz ta’ diskussjoni minn diversi kelliema oħra dwar aspetti varji tas-suġġett tal-konferenza kif ukoll b’rappurtaġġ estensiv dwar l-andament fil-workshops li jkunu għaddejin.
Il-Ministru Louis Galea qal li “l-eżamijiet tas-SEC (O-levels) u l-MATSEC (A-levels) huma ta’ importanza kbira għaċ-ċansis ta’ suċċess ta’ uliedna, il-poplu, fid-dinja ta’ l-edukazzjoni u fid-dinja tax-xogħol. Iċ-ċertifikati li niksbu jagħmlu differenza enormi fil-futur u l-karriera ta’ uliedna. Għalhekk jien irrid li ntejjeb il-kwalità u t-trasparenza għal aktar edukazzjoni u taħriġ għax-xogħol. Sar rapport dettaljat u riċerkat. Jeħtieġ li kull minn hu interessat jifhem, isaqsi u jiddiskuti. Nistieden lil kulħadd isegwi x-xandira speċjali għada bejn l-4.00 u s-7.00 ta’ fil-għaxija fuq Education 22. Għażilna l-ħin biex kemm jista’ jkun studenti, għalliema u ġenituri jkunu jistgħu jieħdu sehem”.
Din mhix l-ewwel darba li diskussjoni dwar il-MATSEC qed tixxandar ukoll b’mod dirett fuq it-televiżjoni. F’Marzu li għadda saret konsultazzjoni pubblika permezz tat-televiżjoni permezz ta’ tliet programmi speċjali li xxandru fl-istess ġurnata. Il-pubbliku kellu l-okkażjoni mhux biss li jsegwi x-xandira iżda anki li jibgħat l-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom permezz ta’ sms, e-mail jew posta. Dawn il-kummenti u suġġerimenti ġew ikkonsidrati mill-grupp li ħadem fuq ir-rapport.
Wieħed jista’ jaqra r-rapport sħiħ dwar il-MATSEC billi jżur il-website tal-Ministeru www.education.gov.mt.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950