Iffirmata Dikjarazzjoni dwar l-Edukazzjoni Ogħla fil-Mediterran
Tlettax il-pajjiż Mediterranju, inkluż Malta, il-bieraħ iffirmaw Dikjarazzjoni ta’ Kooperazzjoni f’Catania bl-iskop li joħolqu “Arja Ewro-Mediterranea ta’ Edukazzjoni Ogħla”. Dan kien il-qofol ta’ tliet ijiem ta’ diskussjoni waqt it-Tielet Konferenza ta’ Catania, inizjattiva imnedija minn Letizia Moratti, il-Ministru Taljana ta’ l-Edukazzjoni, l-Università u Riċerka.
Il-pajjiżi li kienu rappreżentati fil-Konferenza, il-biċċa l-kbira fuq livell ministerjali, kienu: Alġerija, Eġittu, Franza, Greċja, Jordan, Italja, Libja, Malta, Marokk, Portugall, Slovenja, Spanja, Tuniżija, u Turkija. Għal Malta ħa sehem il-Ministru Louis Galea li kien akkompanjat minn Dr Joe Mifsud, id-Direttur għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali fl-Università ta’ Malta.
Il-Proġett ta’ Catania, kif hu magħruf, ġie mniedi mill-Gvern Taljan bl-ewwel konferenza f’Novembru ta’ l-2003, segwita bit-tieni konferenza f’Jannar 2005 u bit-tielet waħda issa, lkoll f’Cantania. Malta kienet attiva f’dan il-proġett sa mill-bidunett.
Tul dawn it-tliet snin il-Proġett ta’ Catania ħadem fuq żewġ proġetti. L-ewwel wieħed huwa l-ħolqien ta’ xibka ta’ tmien ċentri ta’ eċċellenza f’pajjiżi tal-Mediterran f’oqsma speċifiċi xjentifiċi u teknoloġiċi. It-tieni proġett huwa t-twaqqif ta’ Università Ewro-Mediterranea miftuħa ta’ Tagħlim b’Distanza, li tagħti lawrji u diplomi konġunti, u xxandar l-lezzjonijiet bis-satellita b’ħames lingwi (Ingliż, Għarbi, Taljan, Franċiż u Spanjol) fuq il-programm MedNet’U (Mediterranean Network of Universities) li hu finanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Qasam ieħor li ġie identifikat huwa l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
Fid-Dikjarazzjoni ta’ Catania l-gvernijiet preżenti kkonfermaw l-impenn tagħhom għal azzjoni favur id-djalogu, il-paċi u l-prosperità fl-arja Ewro-Mediterranea kif miftiehem fid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona ta’ l-1995. Il-Ministri qablu li fis-sentejn li ġejjin sa ma jerġgħu jiltaqgħu fis-Slovenja, jintensifikaw il-kooperazzjoni permezz ta’ networking ta’ inizjattivi u programmi.
Il-Ministru Louis Galea fakkar li Malta dejjem tat importanza lil proċess ta’ networking bejn il-pajjiżi fl-arja Ewro-Mediterranea. Fil-fatt hemm diversi inizjattivi.
Inizjattiva importanti hija l-Fondazzjoni Temi Zammit li qed taħdem fi ħdan l-Università Virtwali ta’ Aviċenna għal żvilupp ta’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni u e-learning. Inizjattiva oħra hija dik fi ħdan il-programm Socrates fejn l-Università qed tikkoordina Network Tematiku dwar id-djalogu fil-Mediterran. Dawn l-inizjattivi huma ko-finanzjati mill-UE. Malta ilha mill-bidunett attiva ħafna fil-Proċess ta’ Bologna u lesta taħdem biex proċess simili jinfirex fil-pajjiżi kollha tal-Mediterran.
Il-Ministru Galea stieden lil dawk preżenti biex jiġu Malta f’Ġunju ta’ din is-sena għal laqgħa tal-Universitajiet tal-Euromed. Huwa qal li bl-għajnuna tal-UE l-Università ta’ Malta toffri programm ta’ Masters fid-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Mediterran. Il-Ministru Galea qal li hu importanti li jkun hemm aktar networking tan-networks li diġa’ jeżistu bħas-Santander, Campostella, Utrecht u l-Fondazzjoni Anna Lindh. Il-Ministru Galea qal ukoll li huwa jappoġġja bis-sħiħ kull kooperazzjoni għat-tisħiħ ta’ l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fir-reġjun.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950