Left arrow Go Back

DISKORS TA’ L-ONOR. CENSU GALEA, MINISTRU GĦALL-KOMPETITTIVITA’ U L-KOMUNIKAZZJONI WAQT SEMINAR BIT-TITLU ‘KICK-STARTING eBUSINESS - NISCO 10TH MEETING’ – SAN ĠILJAN – IL-ĠIMGĦA, 27 TA’ JANNAR 2006

pr0111
Date Icon 27/01/2006

Huwa pjaċir tiegħi li nilqagħkom għal dan is-seminar, u nawgura li jkollna diskussjoni intensa dwar din it-tema magħżula.  Nittama li mid-diskussjonijiet joħorġu ideat dwar kif nistgħu nagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet li jġibu magħhom l-iżviluppi li kull ma jmur qed ikollna fis-setturi ta’ l-informatika u tal-komunikazzjoni.  Din id-diskussjoni trid issir fil-kuntest tar-realtajiet ta’ l-industrija lokali, li kif kulħadd jaf, hi magħmula fil-biċċa l-kbira tagħha minn intraprizi li jħaddmu inqas minn għaxra min-nies, u li għaldaqstant huma dawk li jsibuha l-aktar diffiċli biex jinvestu fit-teknoloġija.

Huwa propju frott ta’ l-iżvilupp kbir li twettaq mill-Gvern fis-settur ta’ l-ICT, li llum qegħdin hawn u nistgħu nitkellmu dwar ambjent aktar globalizzat tal-kummerċ.  Tmintax –il sena ilu kienet diffiċli anki li jkollok l-użu ta’ linja fissa, u għalkemm s-servizz ċellulari f’Malta bdew fl-1988, ftit kienu dawk li kellhom aċċess għal din is-sistema, u l-istess jista’ jingħad għal meta beda l-Internet.  Issa li l-ħidma tal-Gvern qed tagħti r-riżultati, anki l-intrapriżi ż-żgħar għandhom l-opportunita’ li joffru s-servizzi tagħhom fuq l-Internet jew ifittxu dak li l-intrapriżi l-oħra madwar id-dinja qegħdin joffru. Naħseb li wara ħafna snin niddiskutu dwar l-e-business bħala xi ħaġa li ser iseħħ fil-futur qarib iżda ma tasal qatt, issa wasal il-waqt li niddiskutu fuq dan il-qasam bħala realta’ fid-dinja tagħna ta’ kuljum. 

Dan is-suġġett huwa wieħed li l-Ministeru tiegħi jħares lejh b’attenzjoni partikolari, għaliex għandu rwol importanti ferm fis-setturi li jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tal-Ministeru.  Is-settur tal-komunikazzjoni, kif nafu, mhux biss juża’ dawn it-teknoloġiji sabiex ikun jista’ joffri s-servizzi tiegħu, iżda iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed jiddependi fuq l-intrapriżi li minn naħa tagħhom ukoll iħaddnu dawn it-teknoloġiji għat-tkabbir ekonomiku tagħhom.  Fl-istess waqt, is-settur tal-komunikazzjoni u f’dan il-każ is-settur ta’ l-e-business huwa importanti ħafna għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiz b’mod ħolistiku, għas-sempliċi raġuni li t-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni hi bla dubju kontributur ewlieni għall-kompetittivita’ nazzjonali. 

Aspett ieħor marbut ma’ dan kollu ċertament huwa l-ħolqien ta’ l-impjiegi.  Ir-realta’ li qegħdin ngħixu llum hi l-ħtieġa għall-impjieg ta’ iktar nies imħarrġa fl-użu tat-teknoloġija.  Din in-neċessita’ qed tkun indirizzata mill-Gvern anki fil-livell ta’ l-edukazzjoni, fejn qiegħda ssir ħidma biex tinċentiva lil dawk l-istudenti li jagħżlu biex ikomplu l-istudji tagħhom fl-IT.  B’dan il-mod, filwaqt li nkunu qegħdin nindirizzaw is-settur ta’ l-impjiegi, inkunu qegħdin ukoll niggwidaw b’mod aħjar l-istudenti għall-għażla ta’ settur li għandu baħar ta’ opportunitajiet.      

Illum qed naraw ir-riżultati fis-settur tal-komunkazzjoni: daħlet il-kompetizzjoni fl-oqsma kollha ta’ dan is settur mit-telefonija fissa sad-distribuzzjoni tal-programmi televiżivi, u partikolarment importanti fil-qasam ta’ l-e-business hi l-kompetizzjoni fil-proviżjoni ta’ “gate ways” għall-komunikazzjoni ma’ pajjiżi barra minn Malta.  B’hekk l-intrapriżi li jagħmlu użu estensiv mill-informatika jistgħu jassiguraw irwieħhom mill-kontinwita’ fil-komunikazzjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li ġieli seħħ meta is-servizzi ma kinux ikunu kontinwi u għaldaqstant jikkrejaw diffikultajiet kbar għall-intrapriżi.  Il-kompetizzjoni ġabet magħha qabża fil-kwalita’ tas-servizzi, għażla u fuq kollox tnaqqis fil-prezzijiet.  Bħal kollox għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir iżda naħseb li nistgħu ngħidu li minn dan il-lat qegħdin fuq it-triq it-tajba. 

E-business ikopri mhux biss dak li inqisu bħala eCommerce – jiġifieri l-bejgħ ta’ servizzi jew prodotti minn fuq l-internet, iżda wkoll l-użu tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u ta’ l-informatika fil-proċessi li jwasslu biex jiġi pprovdut servizz jew prodott, anki jekk per eżempju dan jinbiegħ mill-ħwienet.  Għaldaqstant, din l-integrazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji fis-sistemi ta’ l-intrapriżi twassal ghar-ristrutturar tal-mod kif dawn jaħdmu u għal żieda fil-kompetittivita’ ta’ dawk l-intraprizi li jagħmlu użu għaqli minn dawn it-teknoloġiji. 

L-isfida li għandna quddiemna hija li nħeġġu, kif ukoll nipprovdu l-mekkaniżmi biex l-intrapriżi tagħna jkunu jistgħu jagħmlu dan.  Nafu li l-intrapriżi ż-żgħar, ibatu aktar mill-intrapriżi kbar biex jagħmlu pass bħal dan, u għalhekk ladarba l-ekonomija Maltija hija mibnija fuq l-intrapriżi ż-żgħar, xogħolna mhux wieħed faċli.   

Fir-realta’ għalkemm sar ħafna xogħol importanti, għad baqa’ ħafna xi jsir biex l-oġġettivi tagħna nkunu lħaqnihom.  Is–seminar jagħti xhieda ta’ dan - nafu li għadna fil-fażi ta’ “kick-starting”, madanakollu inħoss li llum il-ġurnata għandna bażi soda fuq hiex naħdmu, partikolarment minħabba l-fatt li l-policies, l-infrastruttura u l-inċentivi fuq dan is-settur jinsabu fi stadju avvanzat. 

Kif diġa’ semmejt, għaddejna minn fażi importanti ta’ liberalizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika.  Mingħajr settur sod u kompetittiv fil-proviżjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjoni kien ikun kollu ta’ xejn li noqogħdu niddiskutu l-e-business.   Issa wasalna wkoll biex nintroduċu regolamenti ġodda li jittrataw il-kummerċ elettroniku.  Mhux ser nidħol fid-detall ta’ f’hiex jikkonsistu dawn ir-regolamenti għaliex ser nitkellmu fuqhom iżjed tard illum, iżda xtaqt niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-politika tal-Gvern fir-rigward ta’ dan is-settur tibqa’ waħda li tqis li tiffaċilita iżjed milli tirregola.  Ir-regolamenti dwar il-kummerċ elettroniku huma allura intenzjonati biex nassiguraw illi l-kummerċ elettroniku f’Malta jsir b’mod li jnissel fiduċja f’dawk li jkunu qegħdin jitħajru jagħmlu użu minn dawn is-servizzi, kif ukoll f’dawk jitħajru joffruhom.   

L-implimentazjoni ta’ dawn ir-regolamenti ser taqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’ Maltija dwar il-Komunikazzjoni.  Għandi pjaċir ngħid li l-Awtorita’ diġa’ ħadet l-inizjattiva w ikkonsultat dwar il-mod kif għandhom jiġu mplimentati dawn ir-regolamenti, u fl-stess waqt qed tinkoraġixxi lill-industrija biex iddaħħal mekkaniżmi ta’ “self-regulation”.  Nixtieq nieħu din l-opportunita’ biex inħeġġeġ l-industrija li tieħu dan il-pass għaliex bla dubju dan jgħin biex is-settur jiżviluppa b’mod sod.  Dan is-suġġett jorbot ukoll ma’ wiehed mill-proġetti imnedija taħt il-“kick-starting e-business programme”. 

Għaldaqstant, huwa ta’ inkoraġġiment għalija li f’dan is-seminar ser ikollna interventi minn naħa ta’ l-industrja.  Bla dubju, għalkemm il-Gvern għandu ir-responsabbilitajiet tiegħu f’dan ir-rigward, u kif ser niddiskutu ’l quddiem hemm numru ta’ proġetti li ser jitwettqu, mhux biżżejjed li naħdmu flimkien minn naħa tal-Ministeru għall-Ivestiment l-Industrija u t-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u minn naħa tal-Ministeru tiegħi, iżda irridu naħdmu id f’id ukoll ma’ l-intrapriżi nfushom biex nidentifikaw dak li qed ixekkilna milli nagħmlu iżjed progress f’dan il-qasam u flimkien nindirizzaw dawn il-fatturi b’mod konkret.  Sinjuri, nawgura li dan is-seminar ikun utli minn dan l-aspett u m’għandix dubju li ser inkomplu naħdmu fis-sod biex il-miri tagħna f’dan ir-rigward jintlaħqu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow