JINBEDA L-BINI TA’ BELVEDER FUQ WIED BABU, LIMITI TA’ WIED IŻ-ŻURRIEQ: PROĠETT TA’ ’L FUQ MINN LM600,000 FIN-NOFS IN-NHAR TA’ MALTA
Ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura taw bidu għal proġett ieħor ta’ tisbiħ fin-nofs in-nhar ta’ Malta. Fl-aħħar ġimgħat inbeda xogħol ta’ bini ta’ belveder li jagħti fuq Wied Babu, limiti ta’ Wied iż-Żurrieq. Din iż-żona ta’ Malta titgawda minn eluf ta’ residenti li joqgħodu fl-irħula tal-madwar fosthom iż-Żurrieq, Qrendi, Mqabba u Ħal-Safi, kif ukoll minn bosta turisti.
Il-Ministru Ninu Zammit żar dawn ix-xogħlijiet li nbdew fil-bidu tas-sena u huma ppjanati li jintemmu sa Ottubru. Dik li llum hija bankina dejqa u perikoluża se tinbidel f’belveder ta’ tliet metri wisa’, b’tul ta’ 750 metru. Il-kostruzzjoni tat-twessiegħ qiegħed isir permezz tat-tpoġġieħ ta’ blokki tal-franka. Dan il-proċess diġa’ nbeda. Dan għandu jwassal għal bini ta’ ħajt miksi bil-ġebel tas-sejjieħ sabiex b’hekk jikkumplimenta ma’ l-ambjent naturali tal-madwar. Inżabru numru ta’ siġar u sar tindif ġenerali tal-madwar qabel inbeda l-proġett.
Bħalma twettaq fil-bini ta’ nofs kilometru promenade fix-Xgħajra u kif qed jitwettaq fil-bini ta’ promenade fix-Xemxija, se jiġu nstallati railings u street furniture bħal bankijiet u kontenituri ta’ l-iskart li kollha se jkunu manifatturati mill-ħaddiema tad-Dipartiment għal Manifattura u Servizzi. Il-pavimentar li ntagħżel għal dan il-proġett huwa tiżwiqa tal-ġebla tal-franka u porfido. B’kollox se jsir ’l fuq minn 3,000 metru kwadru ta’ pavimentar. Il-Ministru Zammit semma wkoll li dan il-belveder se jkun imdawwal permezz ta’ sistema ta’ dwal msejħa recessed light fittings. Dan il-proġett jipprovdi wkoll aċċess għal persuni b’diżabilita’.
L-investiment fuq dan il-proġett jaqbeż is-Lm600,000, liema ammont jinkludi l-pagi tal-ħaddiema.
Il-Ministru Zammit semma diversi proġetti li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura wettaq fl-aħħar sentejn fin-nofs in-nhar ta’ pajjiżna. Fost dawn insibu bini ta’ ġonna fl-Imqabba u fiż-Żurrieq, tisbiħ tal-pjazza ta’ Ħal Safi u fi Pjazza Paolino Vassallo ġewwa Bormla. Ħaddiema tal-Gvern wettqu wkoll xogħlijiet ta’ restawr fuq kappelli f’Ħal-Luqa, il-Gudja u s-Siġġiewi. Proġett ieħor li twettaq fl-2005 kien il-bini ta’ nofs kilometru promenade fix-Xgħajra. Kienu bosta l-widien fin-naħa t’isfel ta’ pajjiżna li ġew mnaddfa u rijabilitati bħala parti mill-ħidma relatata ma’ prevenzjoni mill-għargħar.
Matul din is-sena diġ’ nbdew iktar xogħlijiet fin-nofs in-nhar ta’ Malta fosthom tisbiħ fiċ-ċentri ta’ Ħal Kirkop u Birżebbuġa. Ħaddiema tal-Gvern bdew ukoll xogħlijiet ta’ tisbiħ fuq proġett kbir li se jagħti dehra ġdida lil Mixtla ta’ Bormla, meqjusa bħala l-pulmun tal-Kottonera.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950