INIZJATTIVI BIEX TITKATTAR IL-KULTURA TAL-IT FL-SME’S
“L-inizjattiva Kick Start eBusiness, tirrifletti l-għan tal-Gvern li jkattar il-kultura ġdida tat-teknoloġija ma’ l-intrapriżi speċjalment dawk ta’ daqs żgħir u medju (SMEs). Dawn l-intrapriżi, għalkemm jidhru żvantaġġjati minħabba d-daqs, għandhom potenzjal kbir li bis-saħħa tat-teknoloġija jippenetraw swieq ġodda, lokali u internazzjonali, kemm f’kuntest ta’ ‘Business to Business’(B2B) u ‘Business to Consumer’ (B2C).” Dan qalu il-Ministru għall-Investiment, Industrija u IT, Austin GATT meta kien qed jindirizza s-seminar, Kick Start eBusiness.
Il-Ministru Austin Gatt spjega li biex l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju jkollhom suċċess fl-addozzjoni tal-kummerċ elettroniku, irid ikun hemm sforz kollettiv bejn kull forma ta’ interess kummerċjali. Il-Pjan ta’ Azzjoni ‘Kick-Start’ huwa msejjes fuq dan il-prinċipju. Fil-fatt, il-pjan ġie diskuss w approvat minnkom f’ laqgħa.
Il-Ministru Gatt tenna li l-fehma tiegħu hija li l-Oppożizzjoni għandha tipparteċipa b’mod attiv fil-bini tal-politika ta’ Malta dwar it-teknoloġiji u kien għalhekk li s-Sur Leo Brincat ġie mistieden biex jipparteċipa u jikkontribwixxi. Ġaladarba jeżisti konsensus dwar l-aspetti fundamentali m’għandux għalfejn ma ngħinux ‘il xulxin dwar id-dettalji. “Din hi opportunità ta’ bidla kulturali fuq diversi aspetti oħra dwar kif għandha ssir il-politika f’Malta” tenna Austin Gatt. Hu għalhekk li minn mindu waqqafna ‘n-NISCO, il-Partit Laburista u l-Alternattiva Demokratika ntalbu jkunu membri.
Fuq il-linji ta’ l-Istrateġija Nazzjonali ta’ l-ICT, il-Gvern, flimkien mal-Malta Enterprise, qed jimplimenta dan il-pjan ta’ azzjoni li jġib l-isem ta’ ‘Kick-Start’. B’kollox hemm 19-il inizjattiva, biex kumpaniji ta’ kull daqs, jiġu mejjuna jaddotaw it-teknoloġija ta’ l-informazzjoni, speċjalment il-kummerċ elettroniku.
Il-pjan mfassal fuq sentejn jikkonsisti minn inizjattivi li jsaħħu kapaċitajiet ta’ l-intrapriżi b’ riżorsi umani u teknoloġiċi, u li jimmassimizzaw il-benefiċċji li jġib l-investiment teknoloġiku kif ukoll minn inizjattivi li jkabbru l-għarfien fost l-intrapriżi u l-konsumaturi kif ukoll programmi ta’ tagħlim għall-intraprendituri.Hemm ukoll inizjattivi oħra li jikkontribwixxu indirettament għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku fil-pajjiż.
L-ewwel tip ta’ inizjattivi jinkludu t-twaqqif ta’ infrastrutturi (simili għal tal-BOV) li joffru ‘e-Marketplaces’ u ‘e-Malls’, l-iżvilupp ta’ ‘Roadmaps’ biex iservu ta’ gwida għal diversi setturi, strateġija għall-esportazzjoni (e-Export), kif ukoll żvilupp u promozzjoni għall- m-Commerce.
It-tieni sett ta’ inizjattivi nsibu kampanji ta’ informazzjoni għall-konsumaturi u l-intraprendituri, programmi ta’ taħriġ għall-intraprendituri kemm ġeneriċi kif ukoll speċjalizzati, kif ukoll il-proviżjoni tal-kors ‘myWeb’ għall-impjegati.
L-aħħar sett ta’ inizjattivi jinkludu l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ l-e-Banking, l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ servizzi ta’ l-e-Government li jiffaċilitaw il-Kummerċ, portal ta’ l- e-Business, kif ukoll il-proviżjoni ta’ statistika dettaljata li tindika ix-xenarju lokali.
Grazzi għal inizjattivi fil-programm ‘Kick-Start’, l-istatistika ppreżentata mill-NSO ġiet estiża biex tinkludi wkoll kumpaniji ta’ inqas minn 10 impjegati. 96% tal-kumpnaiji Maltin huma ta’dan id-daqs u għaldaqstant l-istatistika li qed tiġi ppreżentata tirrifletti b’mod sħiħ l-istampa tal-pajjiż. L-istatistika li ppreżentat NSO hija parti minn eżerċizzju ma’ l-Ewropa kollha u meta l-eżerċizzju jkun finalizzat, id-diverġenzi li jeżistu bejn pajjiżna u membri oħra joħorġu aktar fil-beraħ.
Waqt dan is-seminar saret preżentazzjoni tar-riżultati ta’ stħarriġ li għamel l-NSO. L-istatistika ppreżentata mill-NSO turi li 93.3% ta’ l-intraprizi żgħar, medji u kbar (SML) jużaw il-kompjuter. Jekk ma’ dawn iżżid l-industriji micro, allura l-persentaġġ jinżel għal 59.9%. 89.5% ta’ intrapriżi SML jużaw l-Internet, filwaqt li jekk wieħed jinkludi l-industriji micro dan jkun 52.2%. 54.2% ta’ l-intrapriżi SML għandhom sit elettroniku. Jekk magħhom tinkludi l-intrapriżi micro dawn jammontaw għal-21.6%. 14.3% ta’ l-intrapriżi SML jbiegħu online. Jekk magħhom tinkludi l-industriji Micro, l-ammont huwa ta’ 2.16%. L-istatistika tikkonferma, li 54.5% tad-djar Maltin għandhom l-Internet. L-istatistika tindika wkoll li 10.5% tal-Maltin qed għamlu xiri elettroniku f’ dawn l-aħħar tlet xhur.
Studju tat-tip ‘Gap Analysis’ fuq il-Kummerċ Elettroniku f’Malta, u li wkoll ġie ppreżentat waqt l-istess Seminar, juri li biex l-intrapriżi Maltin igawdu minn kummerċ elettroniku, huma jenħtieġu infrastruttura li tiggarantixxi l-proviżjoni ta’ konnettività adegwata, kif ukoll diversi soluzzjonijiet teknoloġiċi, soluzzjonijiet anċillari, u servizzi bankarji. Il-‘Gap Analysis’ li l-Gvern ikkummissjona u janalizza x-xenarju kummerċjali Malti u jistabbilixxi li l-limitazzjonijiet li hemm bħalissa fis-suq jinkludu
i. L-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni,
ii. Servizzi ta’ pagamenti b’format diġitali,
iii. Assigurazzjonijiet,
iv. Servizzi ta’ distribuzzjoni,
v. Strutturi operati minn intermedjarji,
vi. Livell ta’ għarfien fuq is-suġġett, u
vii. Proviżjoni ta’ strutturi legali u mekkaniżmi għar-
reżoluzzjonijiet ta’ disputi.
Dan l-istudju juri li bosta intrapriżi zgħar jużaw l-Internet iżda mhux b’mod konsistenti. Jindika wkoll li intrapriżi żgħar iqisu l-ispejjeż involuti biex jipprovdu l-kummerċ elettroniku wisq akbar mir-ritorn li jista’ jrendi. Hemm bżonn ta’ aktar ġħarfien fuq dan is-suġġett. F’ċerti setturi bhal dak tad-divertiment għandhom potenzjal kbir. Joħroġ ukoll li jeżisti potenzjal kbir għal kumpaniji żgħar fil-kummerċ elettroniku fejn jidħol xiri (bħal bl-ingrossa) u xogħol amministrattiv. Fejn jidħol attivita’ kumerċjali B2B, dan jista’ jseħħ biss meta kumpaniji kbar jieħdu l-inizjattiva u jmexxu s-swieq.
Il-Ministru Gatt qal li dan l-istudju ser iservi ta’ bażi ta’ dokument li ser jiġi ppubblikat aktar tard din is-sena u għandu jipprovdi linji ta’ gwida għall-intrapriżi fl-adozzjoni tal-kummerċ elettroniku kif ukoll bħala għodda biex nattiraw investiment barrani (FDI).
Dwar it-taħriġ, il-Ministru Austin Gatt qal li grazzi għal għajnuniet minn kumpanija privata, illum qed niftħu ċentri mgħammra b’kompjuters u għodda ta’ taħriġ fil-qalba tal-komunitajiet f’Malta u Għawdex. Huwa fil-pjan li l-programmi ta’ taħriġ li qed jiġu mħejjija għall-intrapriżi żgħar u li ser jibdew fil-qarib, isiru f’dawn iċ-ċentri. Apparti dan il-Malta Enterprise ser tkun qed tikkordina diversi programmi ta’ taħriġ. Dawn ser ivarjaw minn korsijiet bażiċi għal oħrajn aktar avvanzati, kif ukoll ‘mentorship’.
Il-Ministru Gatt fisser il-kors MyWeb f’ l-intrapriżi bħala eżempju eċċezzjonali ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-Privat. Illum, grazzi ghal dan il-programm, jista’ jintqal li l-ħaddiema Maltin f’dawn l-intrapriżi huma mħarrġa fit-teknoloġija u għaldaqstant aktar flessibbli.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950