Left arrow Go Back

JIGGRADWAW L-EWWEL STUDENTI FIL-HIGHER NATIONAL DIPLOMA MILL-MCAST

pr0105
Date Icon 26/01/2006

“Issa li għaddew l-ewwel ħames snin formattivi mill-fondazzjoni ta’ l-MCAST, il-Gvern beda x-xogħol biex jgħaddi l-Kulleġġ mit-tieni fażi ta’ progress u tkabbir tiegħu”. Dan ħabbru l-Ministru Galea meta ndirizza l-istudenti u l-ġenituri waqt iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ l-MCAST li saret fil-kumpless sportiv tal-Kottonera. Fiċ-ċerimonja tkellmu wkoll is-sur Frank Edwards, il-prinċipal ta’ l-MCAST, is-sur Victor Scicluna, il-president tal-Bord tal-Gvernaturi u Matthew Falzon Barthet, student mill-Istitut ta’ l-Arti u d-Disinn, MCAST. 

F’din l-okkażjoni gradwaw 573 student/a, 436 minnhom fit-tielet livell u 137 fir-raba’ livell (Higher National Diploma or equivalent). Din hija l-ewwel darba fl-MCAST li qed jigradwaw studenti fil-Higher National Diploma. Bħalissa l-MCAST jilqa’ fih 4,000 student/a. 

Il-Ministru Louis Galea fisser li l-miri ta’ din il-fażi  ta’ żvilupp ta’ l-MCAST huma: 

§   Kwalità aktar għolja tal-korsijiet u taħriġ;

§   Numru akbar ta’ studenti fl-MCAST;

§   Ftehim biex l-istudju u taħriġ fl-MCAST jgħodd bħala kwalifiki u parti mill-korsijiet fl-Università u istituzzjonijiet terzjarji;

§   Riforma fl-iskema ta’ apprendistat biex it-taħriġ prattiku fuq ix-xogħol jitjieb fil-kwalità u fir-rilevanza;

§   Programm obligatorju ta’ żvilupp ta’ karattru u personalità għal kull student/a;

§   Aktar skambji ta’ studenti u esperjenzi barra minn Malta;

§   Żvilupp professjonali kontinwu u effettiv ta’ kull minn jaħdem fl-MCAST;

§   Organizzazzjoni aktar b’saħħitha u dinamika għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema adulti.  

Il-Ministru Galea tkellem dwar l-investiment qawwi li l-Gvern għamel fl-MCAST sa mit-twaqqif tiegħu. Fil-fatt, l-ispiża rikorrenti f’dan il-Kulleġġ żdiedet minn Lm63,000 fis-sena 2000 għal Lm4.2 miljuni din is-sena, filwaqt li l-Gvern investa is-somma medja ta’ Lm800,000 kull sena f’infiq kapitali mis-sena 2000 ‘l hawn. B’kollox ġew investiti kważi 23 miljun lira fl-MCAST li llum jinkludi disa’ istituti. Il-popolazzjoni ta’ l-istudenti aktar minn irdoppjat f’dawn l-aħħar sitt snin biex b’hekk minn ftit aktar minn 1500 fl-2000 illum hemm 4000 student jattendu xi kors matul il-ġurnata. Madwar 3,500 student ieħor jattendu xi wieħed mill-korsijiet ta’ filgħaxija.  

Il-Ministru Galea kompla jgħid li l-MCAST gawda ħafna mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ fondi mill-Unjoni taħt il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropej (ERDF) u l-Fond Soċjali Ewropew (ESF) li b’kollox ilaħħqu mal-1.3 miljun lira. Dawn il-fondi intużaw biex seta’ jinxtara aparat ġdid għall-istudju ta’ l-inġinerija mekkanika, apparat ġdid u software għal-librerija tal-Kulleġġ.  Permezz tal-flus mill-Fondi Soċjali Ewropej setgħu isiru korsijiet għal 600 mara li reġgħu lura għat-tagħlim bl-iskop li jerġgħu jirritornaw għad-dinja tax-xogħol wara snin ta’ waqfien. L-MCAST gawda wkoll minn fondi taħt programmi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea fosthom Leonardo u Comenius. Il-Ministru Galea ħabbar li l-MCAST beda x-xogħol biex ifassal proġett ta’ tkabbir u immodernizzar li ser jiswa’ miljuni ta’ liri li jitwettaq bejn l-2007 u l-2013 bil-fondi li l-gvern ġab mill-Unjoni Ewropea.  

Fost suċċessi oħra fl-istorja qasira imma mimlija tal-MCAST il-Minstru Galea semma l-iżvilupp b’suċċess tal-programmi li jwasslu għall-Higher National Diploma, Librerija u Ċentru tar-riżorsi ġdid, l-għoti tal-Premju Edexcel bħala Ċentru Internazzjonali għall-Eċċellenza lill-Kulleġġ, bini ta’ blokk ammininistrattiv ġdid u l-introduzzjoni ta’ korsijiet ġodda fil-farmaċewtika u l-manutenzjoni ta’ l-ajruplani. Huwa qal ukoll li matul din is-sena għandu jitlesta Canteen ġdid għall-istudenti, u jintemm l-iżvilupp tal-blokk ġdid li se jkun jinkludi Dar l-Istudent. 

Il-Ministru Galea irringrazzja lis-sur Victor Scicluna u l-membri tal-Bord tal-Gvernaturi ta’ l-MCAST kif ukoll lis-sur Frank Edwards li qed imexxi l-Kulleġġ. Dr. Louis Galea fakkar li s-sur Scicluna, membru prominenti tas-settur privat, kien inkarigat bħala l-ewwel President ta’ l-MCAST sa mit-twaqqif tiegħu. “L-MCAST, studenti u staff, kienu xxurtjati li kellhom lis-sur Scicluna bħala President fit-twelid tal-Kulleġġ. Jiena mhux biss ammirajt l-imħabba u l-impenn li wrew is-sur Scicluna u sħabu f’din l-ewwel fażi ta’ l-MCAST, iżda l-Gvern hu rikonoxxenti għas-sehem indispensabbli tagħhom fl-iżvilupp ta’ din l-istituzzjoni hekk importanti għal pajjiżna.” Il-Ministru Galea irringrazzja wkoll l-uffiċjali għolja, id-Diretturi, id-Deputati Diretturi u għalliema ta’ l-Istituti, kif ukoll lill-ħaddiema kollha ta’ l-MCAST.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow