Left arrow Go Back

Knights Spectacular 1565

pr0098
Date Icon 26/01/2006

‘Knights Spectacular 1565’ hu spettaklu li jdur madwar l-Assedju l-Kbir ta’ Malta ta’ l-1565. Dan l-ispettaklu qed jittella’ mill-MK Leisure, li jifforma parti mill-Polidano Group, u għandu jservi ta’ attrazzjoni turistika. L-ispettaklu hu ppjanat li jibda jintwera fis-sajf ta’ din is-sena u se jsir fuq bażi regolari f’arena mgħottija li tieħu 600 persuna  bil-qegħda. F’dan l-ispettaklu jipparterċipaw 50 persuna: Maltin u barranin – persuni mħarrġa fil-maniġġ tax-xabla, stuntmen u żeffiena, flimkien ma’ 10 żwiemel. Il-wirja hi diretta minn Salvu Mallia bil-partitura mużikali oriġinali ta’ Mro. Paul Abela. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor.  Francis Zammit Dimech kien preżenti għall-preżentazzjoni ta’ video promozzjonali u ta’ uħud mill-kostumi u l-korazzi li nħadmu apposta. Hu qal li wirjiet bħal dawn kien ta’ min jinkoraġġihom għaliex kienu jgħinu lit-turist isir jaf aktar dwar l-istorja ta’ pajjiżna mhux biss mill-kotba iżda anke permezz ta’ re-enactments. 

“L-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta tniedi sensiela ta’ re-enactments matul is-sena kollha li juru l-istorja ta’ pajjiżna fil-bliet wara s-swar u f’fortifikazzjonijiet. ‘Fondazzjoni Wirt Artna’ wkoll tniedi re-enactments f’fortifikazzjonijiet ta’ l-epoka Ingliża. Ma’ dawn irrid inżid ukoll il-musical bit-tema ta’ l-Assedju l-Kbir tal-1565 li ntwera fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi u fil-Forti Sant’Anġlu. Dawn l-attivitajiet inqisuhom bħala parti essenzjali fil-ħidma li qed titwettaq mill-Gvern u l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta biex it-turisti li jżuruna ma jħarsux lejn Malta bħala biss destinazzjoni iżda anke bħala esperjenza,” qal il-Ministru Zammit Dimech. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li issa, bħala riżultat tar-ristrutturar ta’ l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta, ġew identifikati numru ta’ segments, jew niċeċ. Dawn ingħataw leader u vot bl-iskop li jkunu jistgħu jmexxu ’l quddiem setturi partikolari fil-qasam turistiku. Hu qal li fost dawn is-segments hemm dak tat-turiżmu kulturali, li hu t-tieni l-akbar wieħed. Hu qal li Malta hi ċentru ta’ kultura u storja li b’ħidma bejn kulħadd tista’ tattira ħafna aktar turisti li huma nteressati fl-istorja u l-kultura, għaliex f’pajjiż ta’ 316-il kilometru kwadru hawn kampjun ta’ l-istorja kollha ta’ l-umanita’ tul l-aħħar 7,000 sena. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-era tal-Kavallieri ta’ San Ġwann tista’ titqies bħala l-aktar waħda importanti ta’ l-istorja ta’ pajjiżna mhux biss għaliex kienu l-kavallieri li bnew il-bliet mdawwra bis-swar ta’ pajjiżna, knejjes u palazzi iżda wkoll għaliex il-Kavallieri kienu jiġu minn diversi nazzjonalitajiet, b’kull nazzjonalita’ ikollha l-berġa tagħha u tħares parti mill-fortifikazzjonijiet assenjati lilha. Hu qal li l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann tista’ titqies ukoll bħala l-predeċessur ta’ l-Unjoni Ewropea u għalhekk kellha sinifikat mill-aktar importanti għall-Ewropa u għalina li sentejn ilu sseħibna fl-Unjoni Ewropea.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow