Pass ieħor fit-twettiq tal-politika tal-Gvern dwar ix-xandir
Meta kien qed jitkellem fl-introduzzjoni ta’ laqgha ta’ konsultazzjoni dwar il-programmi meqjusa bhala ta’ l-Extended Public Service Obligation (EPSO), il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li s-seminar li qed isir illum huwa pass ieħor fit-twettiq tal-politika tal-Gvern li x-xandir tas-servizz pubbliku jkun tassew għas-servizz pubbliku. Hu qal li s-seminar li qed isir illum huwa parti minn għadd ta’ inizjattivi ta’ konsultazzjoni li qed jieħu l-Ministeru għat-Turizmu u l-Kultura biex il-pubbliku jħalli l-marka tiegħu fuq l-ipprogrammar tal-Public Broadcasting Services (PBS).
Il-Ministru Zammit Dimech spjega li r-riforma li l-Gvern ried jagħmel fil-PBS kellha żewġ friegħi. L-ewwel waħda kienet organizzattiva. Għalhekk il-Gvern, minn tmiem l-2003, imbarka fuq proċess ta’ ristutturar biex jassigura l-effiċjenza u s-sostenibiltà finanzjarja ta’ dan it-tip ta’ xandir. Hu qal li r-riforma li jrid jagħmel il-Gvern tmur lil hinn minn dan kollu. Anzi dan kollu huwa biss għas-servizz tal-mira tal-Gvern li x-xandir pubbliku jkun wkoll xandir ta’ kwalità li jiddistingwi ruhu mill-bqija tax-xandir f’pajjiżna.
Il-Gvern, biex jilħaq dan il-għan, f’Mejju 2004, nieda l-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir; u hija r-responsabbiltà tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura li jara li din il-politika titħaddem bl-aħjar mod possibbli.
“Skond din il-politika l-Gvern, kull sena, jagħti somma ta’ flus lill-PBS Ltd biex din tintuża għal tnax-il tip ta’ programmi magħrufa bħala programmi ta’ Extended Public Service Obligation. Dawn it-tnax-il tip ta’ programm jinkludu, fost l-oħrajn, programmi ta’ ġrajjiet kurrenti, tat-tfal, edukattivi, reliġjużi, kulturali, diskussjonijiiet u t-trasmissjoni tal-Parlament bir-radju. Dan il-Ministeru għandu r-responsabbiltà li jfassal lista dettaljata tal-ħtigiet tal-Ministeru fil-qasam tal-ipprogrammar EPSO. Din il-lista tinkludi l-ġeneri tal-programmi, l-frekwenza ta’ meta jixxandru u, jekk meħtieġ, it-tul tat-trasmissjoni ta’ kull programm li teħtieġ din il-politika nazzjonali. Imbagħad tkun ir-responsabbiltà tal-PBS li bil-mod trasparenti stabbilit mill-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir jagħżel lill-produtturi indipendenti li jagħmlu l-programmi fuq l-istazzjon nazzjonali,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministeru jfassal il-ħtiġiet tiegħu wara proċess ta’ konsultazzjoni. Hu qal li din is-sena l-Ministeru iddeċieda li biex iħejji din il-lista, jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Hu żied li din il-laqgħa li għaliha ġie mistieden il-pubbliku in ġenerali, il-produtturi indipendenti, l-edukaturi, l-opinjonisti u oħrajn, hija parti minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni. Hu tenna li dawk li jixtiequ jagħtu fehemthom iżda ma setgħux jiġu għal dan is-seminar, jistgħu jagħmlu hekk billi jibgħatu l-fehmiet tagħhom permezz ta’ l-e-mail. Hu qal li l-Gvern se jagħti l-akbar importanza lis-suġġerimenti li jirċievi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Ministeru se jniedi wkoll għadd ta’ inizjattivi oħra biex isaħħaħ ir-rwol tiegħu fil-qasam tax-xandir. Hu qal li fi żmien qasir fil-web site tal-Ministeru se tiżdied taqsima dwar ix-Xandir. Din it-taqsima se tagħti tagħrif siewi dwar ir-rwol tal-Ministeru f’dan il-qasam ta’ tant importanza għal pajjiżna u għandha tkun ta’ għajnuna għal dawk interessati fil-qasam tax-xandir.
“Il-Ministeru jixtieq li jsaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu ma’ l-industrija fil-qasam awdjoviziv b’mod partikolari l-produtturi indipendenti. Se ssir riċerka dwar dan il-qasam u aktar tard din is-sena, flimkien mal-Media Desk fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, se nippubblikaw direttorju dwar dan is-settur. Barra minnhekk mill-web site tal-Ministeru se nipprovdu l-possibiltà ta’ links ma’ web sites ta’ dawk involuti fil-qasam awdjoviżiv. Permezz tal-Media Desk, il-Ministeru jagħti tagħrif dwar l-għajnuna finanzjarja li tista’ tinkiseb mill-Unjoni Ewropea,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li r-riċerka se tkun il-bażi tal-ħidmiet tal-Ministeru f’dan il-qasam. “Fil-ġranet li għaddew saret riċerka kwantitattiva u kwalittattiva li għandha tgħinna nevalwaw aħjar ir-rispons tal-pubbliku għal qasam tax-xandir. Sar stħarriġ ibbażat fuq ftit aktar minn elf persuna. Saru wkoll diversi focus groups li jgħinuna nifhmu aħjar kif il-Maltin iħarsu lejn il-produzzjonijiet lokali u lejn il-kunċett ta’ kwalità,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li x-xandir kien settur dinamiku u għalhekk ridna nżommu proċess ta’ konsultazzjoni kontinwa ma’ dawk kollha interessati biex lill-poplu nagħtuh l-aħjar.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950