Ħatriet ta’ Segretarji Permanenti u Segretarji Permanenti-designate
Bil-għan li jitkomplew jissaħħu l-ogħla pożizzjonijiet fl-istruttura tas-Servizz Pubbliku, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ser ikollu żewġ Segretarji Permanenti, wieħed responsabbli għal-Policy u l-ieħor responsabbli għal Strategy and Operations. Is-Sur Paul Zahra, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi ser jinħatar Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Policy) u s-Sur Anthony Vella, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa, ta’ l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ ser jinħatar Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Strategy and Operations).
Is-Sur Zahra u s-Sur Vella ser jieħdu din il-ħatra b’effett mill-20 ta’ Marzu 2006 meta jirtira s-Sur Joseph W Izzo, Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Is-Sur Alfred Camilleri, Direttur Ġenerali, Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika, ser jinħatar Segretarju Permanenti-designate fil-Ministeru tal-Finanzi waqt li s-Sur Frank Mifsud, Direttur (Social Welfare Standards) fil-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta Soċjali ser jinħatar Segretarju Permanenti-designate fil-Ministeru tas-Saħħa, ta’ l-Anzjani u Kura fil-Komunita’.
Is-Sur Frank Mifsud daħal mas-Servizz Pubbliku fl-1969 u ħadem għal sena fid-dipartiment tax-Xogħol u Immigrazzjoni. Serva għal sbatax-il sena fil-Head Office tal-Uffiċċju Ġenerali tal-Posta. Mill-1987 sal-1992 ħadem fil-Ministeru tal-Politika Soċjali b’responsabilitajiet għal ko-ordinazzjoni ta’ Strateġija u Ppjanar dwar Social Welfare.
Is-Sur Mifsud kien involut fit-twaqqif tal-Employment Division fl-Employment and Training Corporation u fis-sentejn ta’ wara kien Segretarju Privat tal-Ministru għall-Intern u Żvilupp Soċjali. Hu kien ukoll jifforma parti mit-tim ta’ l-Ippjanar li fl-1994 waqqaf l-aġenzija Sedqa, fejn eventwalment ħa l-kariga ta’ Care Services Manager. Fl-1998 inħatar Assistent Personali tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura u Kap tas-Segretarjat Privat tiegħu, kariga li okkupa sa Lulju 2003. F’Marzu 2004 is-Sur Mifsud inħatar Direttur (Family Welfare) fil-Ministeru tal-Familja u Solidarejta’ Soċjali. Matul il-karriera tiegħu fis-setturi soċjali u edukattivi, s-Sur Mifsud serva fuq numru ta’ bordijiet u kumitati u ħa sehem f’konferenzi kemm f’Malta u kif ukoll barra minn Malta.
Is-Sur Mifsud għandu Bachelors Degree, f’Social Work. Hu miżżewweġ lil Pauline nee Zammit u għandu tifla u żewġ subien.
Is-Sur Alfred Camilleri daħal fis-Servizz Pubbliku fl-1977 fid-Dipartiment tal-Pulizija. Mill-1993 ’l quddiem serva fl-Uffiċċju Ċentrali ta’ l-iStatistika. Inħatar Direttur (Statistika) fl-1996 u Direttur Ġenerali (Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika) fl-2001.
Is-Sur Camilleri inħatar Census Officer għall-fini ta’ Ċensiment għall-Popolazzjoni u Djar li sar fl-1995, kif ukoll fl-2005. Huwa membru tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ u hu membru f’diversi bordijiet internazzjonali fil-qasam ta’ l-iStatistika.
Is-Sur Camilleri għandu M Sc fl-Ekonomija u BA Hons fl-Amministrazzjoni Pubblika. Huwa miżżewweġ lil Maria Carmela nee Muscat u għandu tifla.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950