Sejħa għal sidien ta’ negozji fil-qasam ta’ l-informatika biex jipparteċipaw fil-programm EPRI-Start
“L-objettiv tagħna huwa li bħala Segretarjat naħdmu biex is-settur kummerċjali jkun jista’ jieħu kemm jista’ mill-benefiċċji ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan qegħdin nagħmluh billi nkunu punt ta’ kuntatt għal dawk il-persuni fin-negozju li jixtiequ jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea, kif ukoll qegħdin naħdmu biex nagħqdu dawk il-kumpaniji li jipprovdu servizzi ta’ konsultazzjoni dwar programmi ta’ l-Unjoni Ewropea.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji dwar l-EPRI-Start. Dan huwa program ta’ l-Unjoni Ewropea li l-għan tiegħu huwa li jħeġġeġ l-intrapriżi ż-żgħar biex jagħmlu aktar użu minn tekniċi ta’ l-informatika u biex jagħti aktar informazzjoni dwar fondi li jistgħu jingħataw għal dan is-settur.
Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed qiegħed jaħdem f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Temi Zammit biex negozji żgħar ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dan il-programm. L-Onor. Edwin Vassallo qal li “l-għan tagħna huwa li madwar 300 imprenditur ikun jista’ jipparteċipa fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea, għaldaqstant qegħdin naħdmu biex insibu negozji żgħar li jkunu jixtiequ jipparteċipaw, u fl-istess ħin insibu l-aktar programmi adattati għalihom. Negozjanti Maltin jistgħu jipparteċipaw f’dawn il-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea b’żewġ modi, jew billi jieħdu fondi u jsiefru biex jagħmlu kuntatti ma’ sidien ta’ negozji oħra u dan biex ikabbru n-negozju tagħhom, jew inkella billi l-programm partikolari jipprovdi konsulent tekniku li jiġi Malta biex jgħin settur partikolari.
“Din tal-lum hija l-ewwel sejħa pubblika għal min huwa nteressat li jipparteċipa, u jkun wieħed mit-300 sid ta’ negozju li jipparteċipaw f’dawn il-programmi. Illum ukoll qegħdin nagħmlu sejħa pubblika ghal min hu interessat li jipparteċipa fil-progett EPRI-Start. Issa nħeġġeġ lil dawk in-negozji kollha li jaħsbu li jkunu jistgħu jieħdu sehem f’dan il-proġett, kif ukoll proġetti oħra, biex jikkuntattjawna biex inkunu nistgħu niffaċilitawlhom ix-xogħol u l-proċedura ta’ applikazzjoni għal dan il-proġett u oħrajn.”
Rappreżentant tal-Fondazzjoni Temi Zammit spjega d-dettalji ta’ dan il-proġett, li huwa mmirat lejn l-intrapriżi ż-żgħar (SMEs) attivi fil-qasam ta’ l-informatika (ICT) li huma mħajjra jinvolvu ruħhom f’xi forma ta’ riċerka. Huwa qal li “l-proġett għandu l-għan li jgħin 300 SME mill-għaxar pajjiżi membri ġodda ta’ l-UE jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni, partikolarment dak ta’ l-InformationSociety Technologies, FP6 (IST). EPRI-start huwa “Specific Support Action” immexxi minn koordinatur mill-Ġermanja, TSA, li tfassal apposta għall-bżonnijiet ta’ SMEs mill-pajjiżi membri ġodda. Malta hija rappreżentata fil-proġett mill-Fondazzjoni Temi Zammit (FTZ), li twaqqfet sentejn ilu minn għadd ta’ entitajiet ġejjin mis-settur pubbliku u privat biex tibda toffri lokalment opportunitajiet ta’ tagħlim permezz ta’ e-learning, u tgħin organizazzonijiet Maltin jieħdu sehem fi programmi ta’ l-UE.
“Il-proġett EPRI-start huwa l-ewwel eżempju tal-ħidma bejn is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji ż-Żgħar fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetittivita` u l-Komunikazzjoni mal-Fondazzjoni Temi Żammit ħalli dawn jaħdmu flimkien sabiex jgħinu kumpaniji u individwi Maltin jibbenefikaw mill-opportunitajiet li toffri s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ din il-ħidma, għoxrin kumpanija Maltija se jiġu mgħejjuna biex iħejju ruħhom għall-parteċipazzjoni fi proġetti Ewropej, mingħajr ma jintalbu ħlas għall-għajnuna li tingħata.
Il-koordinatur tal-proġett, TSA, diġa` għandu esperjenza f’dan il-qasam, billi kien fassal proġett simili meta l-parti tal-lvant tal-Ġermanja ingħaqdet mal-parti tal-punent u daħlet fl-UE. Għan ieħor importanti ta’ l-EPRI-start huwa immirat lejn politiċi u amministraturi, kemm lokali kif ukoll Ewropej, biex dawn jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ negozji żgħar fi programmi Ewropej billi jfasslu miżuri li jindirizzaw id-diffikultajiet li jiffaċċjaw in-negozji ż-żgħar.
Kumpaniji ta’ l-informatika Maltin li huma nteressati li jieħdu sehem fi proġetti Ewropej taħt il-programmi tar-riċerka għandhom jiktbu lill-Fondazzjoni Temi Zammit (jesmond.xuereb@ftz.org.mt ) jew lis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji ż-Żgħar (keith.psaila@gov.mt). Biex kumpanija tibbenefika mis-servizz offrut permezz tal-progett EPRI-start, hija għandha qabel xejn tirreġistra fuq id-database tal-proġett. Iktar informazzjoni tista’ tinstab fuq il-website www.epristart.org .
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “bħala Segretarjat qegħdin napplikaw biex nippruvaw nieħdu wkoll fondi strutturali, biex b’hekk inkunu nistgħu ngħinu aħna direttament lil negozji żgħar. Fl-għan tagħna li kemm jista’ jkun negozji żgħar jipparteċipaw fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin naħdmu ma’ numru ta’ kumpaniji li jipprovdu servizzi ta’ konsulenza. Illum qegħdin hawn mal-Fondazzjoni Temi Zammit, u ‘l quddiem ser ikollna l-opportunita` li noffru aktar proġetti bħal dawn. Intant, min jixtieq li jkun jaf aktar dwar dan il-proġett, jew jixtieq ikun jaf jekk is-settur tiegħu huwiex eleġibbli għal xi forma ta’ għajnuna, jista’ jikkuntattja lis-Segretarjat għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed għal aktar informazzjoni. Din is-sejħa hija għal dawk in-negozji li jaħdmu fis-settur tal-kompjuters u l-informatika, li diġa qegħdin jagħmlu xi forma ta’ riċerka, bħalma huma software developers, programmers, jew nies li jagħmlu web-pages, per eżempju.”
L-Onor. Vassallo temm billi qal li “n-negozji żgħar tagħna hemm bżonn li jibdew jaraw kif ikabbru n-negozju tagħhom kemm lokalment, kif ukoll barra minn Malta. Programmi ta’ l-Unjoni Ewropea, bħalma huwa l-proġett li qegħdin inħabbru llum, huma opportunita` ideali biex ikunu jistgħu itejjbu x-xogħol tagħhom. Il-Gvern qiegħed ikompli jaħdem biex dejjem isaħħaħ in-negozji ż-żgħar tagħna.”
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950