Emendi fl-Att dwar il-Kummissarji għall-ĠUstizzja dwar petizzjonijiet quddiem Tribunali Lokali
Il-Gvern, permezz ta’ emendi fl-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja ħabbar li b’effett mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, twaqqfu tlett Bordijiet dwar il-Petizzjonijiet. Kull Bord ser ikun magħmul minn persuna waħda li tinħatar mill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja u li tkun tista’ tiddeċiedi dwar petizzjonijiet li jsiru quddiem il-Bord minn kull min jiġi akkużat b’reat, li skond il-liġi jidher quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja. It-tlett Bordijiet ser ikunu magħmula minn Dr Ramon Rossignaud, Dr Joe Refalo u Dr Benny Delia.
Kull petizzjoni għandha tiġi ppreżentata fir-Reġistru tal-Kummissarji mhux iżjed tard minn għaxart’ijiem minn meta jkun allegatament sar ir-reat. Iżda meta min jagħmel il-petizzjoni ma kienx jaf li ser jibdew il-proċeduri kontra tiegħu, it-terminu jibda jgħodd mill-ġurnata meta hu jkun sar jaf li kienu ser jinbdew il-proċeduri kontrih, jew li nbdew, jew li l-każ kien diġa’ gie deċiz mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, skond liema minn dawn jaħbat l-iktar kmieni.
Il-Bord, wara li jeżamina l-petizzjoni, jista jordna li jintemmu jew ma jitkomplewx proċedimenti quddiem il-Kummissarji għall-Ġustizzja u jista’ jordna li tinħafer għal kollox, jew parti minnha, xi piena jew multa mogħtija mill-Kummissarju wara l-proċediment ta’ xi kontravenzjoni.
Il-Bord ser jibda jeżamina petizzjonijiet mill-pubbliku kull meta xi ħadd iħoss li hemm:-
· żbalji evidenti fl-identita’ ta’ l-akkużat jew tal-vettura nvoluta f’inċident,
· żball evidenti li jkun wassal biex xi ħadd akkużat ikun instab ħati skorrettament tar-reat;
· għal raġunijiet umanitarji li jtaffu ċ-ċirkustanzi li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-għemil jew kull meta l-ħruġ tal-akkuża tkun manifestament inġusta jew oppressiva; u
· meta l-proċeduri għall-ħruġ tal-kontravenzjoni ma jkunux isegwu dak stipulat fl-Avviżi Legali 350 tas-sena 2004 u 51 tas-sena 2005.
Dawn l-emendi ser iservu biex kull min iħoss li ma saritx ġustizzja miegħu ma jkollux għalfejn jaħli ħin u jitla’ quddiem it-Tribunal biex jiddefendi akkuża kontrih.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950