IT-TIENI VOLUM TA’ ULIED MALTIN
Is-Sur Tony Mizzi, producer tas-sensiela Ulied Maltin, ippreżenta kopja tad-DVD tat-tieni volum f’din is-serje lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Zgħazagħ u Xogħol, Louis Galea.
"Horizons" hija kumpanija li tispeċjalizza fil-‘media’ kemm dik tar-radju kif ukoll tat-televizjoni. Kien proprju fis-sena 2005 meta "Horizons" nidiet l-ewwel enċiklopedija viżiva (fuq DVD) bil-Malti dwar dak kollu li jagħti ġieħ lill-patrimonju Malti; "Ulied Maltin".
Fl-ewwel volum ingħatat ħarsa lejn 20 personalità li b'xi mod jew ieħor għamlu isem għalihom u għal pajjiżhom. Minn Anton Buttiġieġ - il-poeta tan-natura, sa Ġużeppi Cali - l-pittur, li kien jispeċjalizza fil-pittura sagra. Antonio Sciortino l-iskultur li żejjen pajjiżna b'monumenti eċċezjonali, bi ġrajjiet li għaddew minnhom missirijietna u Dun Ġorġ Preca wieħed mill-ewwel beati Maltin.
Fit-tieni volum "Ulied Maltin" jittratta 19-il monument. Fosthom insibu l-monument ta' l-Assedju l-Kbir, il-monument tal-Gwerra, dak ta' Dun Mikiel Xerri u sħabu, u l-monument ta' Nettunu. L-iskop ewlieni ta' dan il-proġett kien biex it-tfal tagħna jkunu jistgħu jwessgħu l-orizzonti tagħhom u jkabbru l-għarfien tagħhom dwar pajjiżna biex minn età żgħira jitgħallmu japprezzaw dak li hu tagħna. Dan il-proġett huwa wkoll minjiera ta' informazzjoni għall-proġetti ta' l-iskola.
"Ulied Maltin" jikkonsisti f'DVD u ktejjeb. Il-ħin massimu ta' kull dokumentarju huwa ta' 4 minuti biex b'hekk kull min ikun qed isegwi, ma jiddejjaqx. Il-ktejjeb jikkumplimenta l-vuċi mitkellma fid-dokumentarju billi l-’iscripts’ huma miktuba fih stess biex wiehed ikun jista jsegwi aħjar. Skond studju li sar fl-università fl-Istati Uniti il-vizwal iħalli sa 80 fil-mija fil-memorja tat-tfal u għalhekk "Ulied Maltin" jista jkun ta' għajnuna kbira għal uliedna, għax dak kollu li hemm miktub fil-ktejjeb huwa viżwalizzat fuq it-televiżjoni.
Is-Sur Mizzi spega kif "Horizons" qed taħdem fuq it-tielet volum, kif ukoll għanda l-ħsieb li toħroġ il-fuq minn ħmistax il-volum.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950