Left arrow Go Back

Rapport Annwali Dwar il-Verifika tal-Fondi Pubbliċi 2004

pr0020
Date Icon 10/01/2006
Ir-RapportAnnwali ta’ Verifika, li ġie ppreżentat lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti qabel għalqet is-sena 2005, hekk kif stipulat f’Kapitlu 396 tal-Kostituzzjoni Maltija, ittratta x-xogħol kollu ta’ verifika li sar matul it-tieni nofs tas-sena 2005 f’dak kollu li kellu x’jaqsam mas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2004.  Fih ukoll referenza għal dak ix-xogħol li sar matul l-ewwel nofs tas-sena 2005, imsemmi fir-Rapport ta’ Nofs is-Sena u li tressaq quddiem il-Mejda tal-Kamra fit-30 ta’ Lulju 2005.  L-opinjoni ta’ l-Awditur Ġenerali hija ukoll dwar ir-Rapport ta’ Nofs is-Sena.
Ir-RapportAnnwali wera tħassib dwar il-problemi mniżżla hawn isfel:

§   Problemi rigward varjanzi li kien hemm fi dħul u nfieq ordinarju, self li għad irid jiġi mħallas lura lill-Gvern, investimenti, kif ukoll id-dejn pubbliku huma kollha msemmija fl-Analiżi tar-Rapport Finanzjarju 2004, li jittratta l-Fond Konsolidat u r-Rendikont ta’ l-Assi u Obbligazzjonijiet. 

§   Matul is-sena 2004, il-Bord li jieħu ħsieb l-Investimenti kollha tal-Gvern kien għadu ma twaqqafx u minħabba f’hekk il-lista ta’ Investimenti miżmuma mill-Gvern sa’ l-aħħar tas-sena 2004 ma setgħetx tiġi eżaminata.

§   Id-Dipartiment tat-Teżor għadu jsostni li x-xahar ta’ Jannar 2002 għandu jiġi kkunsidrat bħala dak li matulu reġgħet bdiet issir ir-rikonċiljazzjoni tad-differenza li hemm fil-bilanċi tal-Kont Pubbliku bejn il-kotba tal-Bank Ċentrali u dawk tat-Teżor.  Dawn il-bilanċi ma kienux rikonċiljati minn Gunju 1992. B’effett minn Frar 2005, rikonċiljazzjonijiet qed isiru fl-aħħar ta’ kull xahar u b’hekk qed ikun hemm aktar osservanza u attenzjoni mmedjata fuq it-transazzjonijiet, mingħajr ma jaqa’ aktar xogħol lura.    

§   Arretrati ta’ Dħul li l-Gvern kellu jdaħħal sa l-aħħar tas-sena 2004  jammontaw għal aktar minn Lm482.1 miljun.  Minn dawn, Lm93.4 miljun biss huma kkonsidrati li jistgħu jinġabru.  Dan huwa qasam fejn jista’ jsir titjib sostanzjali bl-introduzzjoni ta’ proċeduri effiċjenti li permezz tagħhom ikun hemm aktar kontroll f’dawk li huma ħlasijiet lura jew multi.  Fl-istess ħin għandu jiġi assigurat li jkun hemm dokumentazzjonijiet korretti ta’ kull transazzjoni.  

§   Hemm dubji partikolari dwar kemm ser jinġabru lura arretrati ta’ dħul li jammontaw għal Lm2.8 miljun li rriżultaw minn pagamenti żejda ta’ benefiċċji soċjali. Mhux qed ikun hemm infurżar biż-żejjed min-naħa tad-Dipartiment biex jiġbor flus li min-naħa tiegħu ħallas żejda.  

§   Meta ġie analizzat kampjun ta’ Lm1.75 miljun mill-ammonti kollha ta’ Lm4.36 miljun bħala Arretrati ta’ Dħul f’dawk li huma  Kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Nazzjonali ta’ qabel 1998, instab li 47 fil-mija (%) tal-bilanċi kienu aktar milli suppost filwaqt li 44 fil-mija (%) nstab li kienu inqas.  Kienu biss 6 fil-mija (%) ta’ dawk li jħaddmu, u li kienu naqsu minn dmirhom, li kienu qed iħallsu lura b’mod regolari.  

§   M’hemmx kontroll biżżejjed, mill-Ministeru tal-Kompetittivita’ u Komunikazzjonijiet  (li qabel kien il-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjonijiet), fuq ir-rimborżtas-sejħiet mil-linji tat-telefon ċellulari. Mhumiex ċari r-Regolamenti dwar xiri ta’ settijiet ċellulari jew bdil ta’ dawk irraportati nieqsa jew mitlufa.  

§   Minn eżerċizzji ta’ verifika li saru fl-Isptar San Luqa u fid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ ta’ dak li għandu x’jaqsam ma’ pagi tal-ħaddiema rriżulta li kien hemm nuqqas kbir f’dawk li huma dokumenti u kontroll ta’ pagamenti ta’ salarji.  Żbalji waqt il-komputazzjoni ta’ salarji f’dawn iż-żewġ postijiet partikolari kienu riżultat ta’ kalkulazzjoni tad-diversi tipi ta’ “allowances” tal-ħaddiema. Barra minn hekk, l-Isptar għadu dipendenti mit-Tezor f’dak li hu ħruġ ta’ salarji lill-impjegati kollha tiegħu u dan minkejja li diġà jezisti “software” apposta li jista’ jibda jiġi użat faċilment mill-istaff responsabbli mis-salarji.  

§   Irregolaritajiet oħra nstabu f’dawk li huma pagamenti għal sahra mħallsa mill-Ministeru ta’ l-Iżvilupp Urban u Toroq (li qabel kien jagħmel parti mill-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjonijiet) għall-istaff tas-Segretarjat Privat. Azzjonijiet meħtieġa ma ttieħdux meta kien hemm każijiet ta’ impjegati jirrapurtaw tard għax-xoghol kif ukoll ma kienx hemm kontroll biżżejjed fuq l-attendenza.  

§   Il-preċizjoni fis-salarji ta’ ufficjali Maltin li qed jaħdmu f’Ambaxxati barra minn Malta (MBOs) ma setgħetx tiġi vverifikata ma’ kriterji stabbiliti  mill-Ministeru tal-Finanzi u awtoritajiet oħra. In-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin u d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali wassal biex MBOs kienu qed jitħallsu l-benefiċċji tat-tfal minn żewġ naħat. Il-ġustifikazzjoni u l-preċizjoni tar-rati ta’ dawn il-benefiċċji pagabbli kull wild skond il-pajjiż fejn il-ġenitur ikun qed jaħdem, ma setgħux jiġu vverifikati.  

§   Impjegati ċivili fuq il-kotba tal-Forzi Armati, li iżda huma assenjati f’xi post partikolari ieħor, qed jaħdmu fuq “roster” ta’ siegħat imnaqqsa.  Madankollu ma nstabet l-ebda approvazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar dan.  

§   Propjeta’ mmobbli tal-Gvern li tinsab f’Canberra l-Awstralja u tintuża mill-Kummissarju Għoli sew bħala uffiċċju kif ukoll bħala residenza dejjem ġiet eskluża mid-dokumenti miżmuma fil-post. Għalkemm il-propjeta’ ġdida mixtrija fis-sena 2000 kellha tintuża għall-istess żewġ skopijiet, madankollu nżammet ukoll l-istess residenza ta’ qabel.  Barra minn dan, la l-valur kapitali totali ta’ l-art u l-bini tar-residenza w uffiċċju, u lanqas il-valur tad-diversi oġġetti li ġew mixtrija (meta kienet akkwistata l-propjeta’) qatt ma setgħu jiġu kkalkolati.  

§   In-nuqqas ta’ kontabilita’ fl-ambaxxata f’Ruma akkreditata lill-Italja u San Marino kien riżultat taż-żamma mhux daqshekk sodisfaċenti tal-kontijiet, speċjalment fejn jidħlu servizzi konsulari. Is-sistema preżenti ta’ kif jinżammu l-kontijiet qed twassal għal xoghol manwali doppju kif ukoll hija suġġetta għal riskju kbir ta’ żbalji.  Uffiċjali ta’ din il-Missjoni, fi gradi diplomatiċi, qed ikunu kontinwament involuti huma stess fi transazzjoniijiet  ta’ flus kontanti.  Dan ix-xogħol jista’ jiġi ddelegat lil impjegati fi gradi iżgħar li diġà jaħdmu fl-Ambaxxata.  

§   Matul is-sena, ir-rata ta’ osservanza tar-Regoli Finanzjarji, fejn għandhom x’jaqsmu Kunsilli Lokali, ma rreġistrat l-ebda sinjal ta’ titjib fuq is-snin l-imgħoddija.  Instabu każijiet ta’ infieq eċċessiv li ma għenux fil-ħidma tal-Kunsill Lokali konċernat.  Numru konsiderevoli ta’ Kunsilli Lokali ukoll irreġistraw diversi nuqqasijiet rigward iż-żamma ta’ dokumentazzjonijiet finanzjarji għas-Sistema ta’ Infurzar.  Dan huwa riżultat tan-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ Kontijiet Ivverifikati min-naħa tal-Kumitati Konġunti.  Kien hemm ukoll ċerti nuqqasijiet li jirrigwardjaw Kunsilli Lokali partikolari.  Dawn iżda ġew irrapurtati separatament flimkien mal-kummenti tal-Kunsilli konċernati.  

§   Min-numru ta’ eżerċizzji ta’ verifika li saru ta’ għadd ta’ Organizzazzjonijiet mhux Governattivi kif ukoll fuq Entitajiet Pubbliċi tal-Gvern ħargu dawn in-nuqqasijiet:  

§  Ir-Rendikonti Finanzjarji ta’ l-Entitajiet Pubbliċi jew Organizzazzjonijiet mhux Governattivi ma kienux skond l-“International Financial Reporting Standards”.  

§  Il-proċeduri għax-xiri, skond l-Att ta’ l-Awtoritajiet, ma kinux konformi mar-Regolamenti tal-Kuntratti Pubbliċi tas-sena 2005.  

§  Nuqqas ta’ kontroll fuq l-Assi Fissi rriżulta minħabba reġistri mhux aġġornati.  

§  Nuqqas ta’ approvazzjoni fuq xiri li żiedu r-riskju ta’ nfieq żejjed.  

§  Proċeduri korretti ta’ kif kienu qed jiġu rreġistrati obbligazzjonijiet fis-sena li suppost ma kinux qed jiġu dejjem osservati.

§  Fejn jidħlu spejjeż ta’ l-ivvjaġġar  kien hemm nuqqas ta’ osservanza ma’ dak kollu li jipprovdi għalih “Public Service Management Code”.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow