Left arrow Go Back

IL-ĦIDMA TAL-GVERN FIL-KOTTONERA TISTA’ TMISSHA B’IDEJK

pr0019
Date Icon 10/01/2006

Il-Gvern mhux biss għandu viżjoni ċara għaż-żona tal-Kottonera, iżda qed iwettaq din il-viżjoni b’investiment qawwi fi proġetti kapitali li l-poplu tal-Kottonera diġà qed igawdi minnhom.  

Huwa diffiċli għalhekk li wieħed jifhem kif il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ippretenda li jittieħed bis-serjetà meta nhar il-Hadd,  f’Bormla qal li l-Gvern ma ħa ebda azzjoni konkreta biex iż-żona tal-Kottonera tiġi riġenerata.  

Sa’ mill-1999 ’l hawn, il-Gvern wettaq bosta proġetti kapitali fiż-żona tat-Tliet Ibliet. Dawn jinkludu dar għall-anzjani ġdida, il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-kumpless ġdid ta’ l-Aġenzija Appoġġ, it-twaqqiegħ tal-ħajt tad-Dockyard, it-tiswija tal-moll tal-Isla u r-restawr ta’ swar u tant bini storiku ieħor. 

Għalkemm ir-riġenerazzjoni urbana m’hix proċess li wieħed jista’ jgħaġġel, il-proġett innegozzjat u finalizzat minn Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista fl-1999 diġà beda jieħu s-sura u qiegħed iħalli effett fuq l-attività kummerċjali u soċjali tal-Kottonera. L-Onor. Alfred Sant il-Ħadd ma qal xejn dwar il-Casinò di Venezia, ir-restawr tal-Imħażen ta’ Caraffa, l-estensjoni tal-Moll ta’ Sant’ Anġlu u partikolarment it-tlestija tal-yacht marina li llum tat-dimensjoni differenti lid-dehra tal-Kottonera.  

Intant, bini ieħor li semma l-Kap tal-Oppożizzjoni - dak tat-Teżorerija l-Antika – tlesta r-restawr tiegħu u l-attivitajiet kummerċjali diġà qed joperaw ġo fih.  

Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq huwa fiduċjuż li bosta mill-komponenti l-oħra tal-proġett inkluż dak tas-Sea Gate Vaults, diversi żoni f’Sant’ Anġlu kif ukoll il-bini tal-Car Park ta’ Santa Margherita jimmaterjalizzaw fix-xhur li ġejjin. 

L-Onor. Alfred Sant għażel li jinjora wkoll in-nefqa diretta li qed ssir mill-Gvern fir-riġenerazzjoni tal-Kottonera. Fl-aħħar tliet snin intefqu mal-Lm400,000 fuq l-estensjoni tal-Moll ta’ Sant’ Anġlu u t-tiswijiet tal-Moll ta’ l-Isla filwaqt li din is-sena l-Gvern ivvota Lm170,000 li ser jintefqu fuq il-landscaping tax-Xatt tal-Birgu. 

Dwar il-proġett tal-Baċir Numru 1, waqt iż-żjara tiegħu f’Bormla, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ukoll ipprova jfixkel l-imħuh billi jgħid li l-Gvern qed joħroġ b’verżjonijiet differenti dwar meta għandu jibda’ x-xogħol fuq il-Baċir Numru 1. 

Dan il-proġett kien tnieda f’Marzu tas-sena l-oħra u sa mill-bidu ntqal li l-ħsieb tal-Gvern kien li jara x-xogħol jibda fil-bidu tas-sena 2007. Sal-lum dan il-ħsieb għadu ma nbidilx, tant li bħal issa għaddej il-proċess tal-għażla ta’ l-investituri li ser jiżviluppaw dan il-proġett.  

Intant, b’referenza għall-kummenti tas-Sindku ta’ Bormla, is-Sur Joe Scerri waqt iż-żjara tal-Kap tal-Oppożizzjoni, dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni dwar dan il-proġett, ta’ min jgħid li l-brief  ta’ dan il-proġett kien tħejja wara perjodu ta’ konsultazzjoni estensiv li kien jinkludi bosta laqgħat mal-pubbliku u entitajiet konċernati, fosthom il-Kunsilli Lokali tat-Tliet Ibliet. Tabilħaqq, tnejn minn dawn il-laqgħat – fid-19 t’Awissu 2004 u fil-5 ta’ Jannar 2005 – kienu saru proprju mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.  

L-impenn tal-Gvern f’din iż-żona, kollu qiegħed iwassal għal twelid mill-ġdid fil-Kottonera, u dan tixhdu anke ż-żieda fil-prezzijiet ta’ propjetà fil-Birgu u l-madwar. Il-Gvern ser ikompli jwettaq il-viżjoni tiegħu b’aktar proġetti f’din iż-żona biex din ir-riġenerazzjoni tkompli tissaħħaħ – bi proġetti kapitali bħal-landscaping tax-Xatt tal-Birgu li ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin u billi joffri opportunitajiet ġodda għall-investiment privat bħal fil-każ tal-proġett tal-Baċir Numru 1.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow