Konferenza Stampa mogħtija mill-Onor. Dr. Carmelo Mifsud Bonnici, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, Dwar l-Att XXII ta’ l-2005 – Att dwar Azzjonijiet Ġudizzjarji (Miżuri Varji) u xogħol fil-Qrati tal-Ġustizzja – Valletta
Kif kien tħabbar fil-White Paper “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef”, il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern kien ippropona li tiġi ntrodotta proċedura iktar sempliċi fil-Qrati tagħna. F’dak id-dokument konna għidna li l-formola taċ-ċitazzjoni tispiċċa u minflokha tiġi ntrodotta dik tar-rikors. Ir-rikors huwa strument legali ferm iktar faċli sabiex jitħaddem u jnaqqas ferm il-burokrazija li kellna qabel, bil-formola taċ-ċitazzjoni.
Din il-proposta ġiet approvata fl-aħħar tas-sena li għaddiet mill-Parlament tagħna u hija llum parti sħiħa mill-Att XXII ta’ l-2005. Din il-liġi ser tidħol fis-seħħ mis-16 ta’ Jannar 2006 u permezz tagħha, l-proċeduri ser issa jsiru b’rikors ġuramentat li qed jidħol flok iċ-ċitazzjoni. B’hekk issa m’hemmx bżonn żewġ dokumenti, jiġifieri l-formola taċ-ċitazzjoni u d-dikjarazzjoni tal-fatti, iżda dokument legali wieħed, li fih hemm żewġ affarijiet integrati f’waħda. Ma’ dan il-pass importanti ħafna, qed tiġi fis-seħħ parti oħra mill-pakkett ta’ riformi li ġew imnedija u mplimentati minnha.
F’din il-liġi għalhekk ġew emendati l-artikoli kollha tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u tal-Kodiċi tal-Kummerċ fejn tissemma’ ċ-ċitazzjoni. Ser jidħlu fis-seħħ ukoll numru ta’ miżuri oħra li huma dawn:
L-Ewwel: B’emendi li saru fil-Kodiċi Kriminali, mis-16 ta’ Jannar 2005 mhux ser isiru iktar inkjesti maġisterjali fejn jidħlu rapporti ta’ allegazzjoni ta’ serq ta’ elettriku. Mhux biss, iżda li dawn jittieħdu wara li ssir kwerela da parti tal-Korporazzjoni Enemalta. Din il-miżura ser tfisser li issa ser jonqsu drastikament: a) l-inkjesti maġisterjali li qed jiżdiedu kull sena; u
b) li ser innaqqsu wkoll il-kawżi kriminali fuq dawn it-tipi ta’ reati, li ta’ kull sena jidħlu b’ċertu ammonti fil-Qrati tal-Maġistrati; u
c) il-Qorti Kriminali ser tara tnaqqis ta’ bejn mija u mija u għoxrin elf lira fi spejjeż peritali li jsiru in konnessjoni ma’ dawn it-tipi ta’ reati.
Dan huwa pass ieħor importanti li ġie mħabbar fl-aħħar tas-sena li għaddiet fid-diskors tal-Budget.
It-Tieni, li b’emenda li ġiet introdotta fil-Kodiċi Ċivili ser issa jkun permess li t-titoli eżekuttivi ta’ l-ittra uffiċjali li daħlu fis-seħħ fuq il-kambjali u l-ittri uffiċjali għal debiti taħt il-Lm5,000 ser ikunu jistgħu jiġu iskritti bħala ipoteki legali. Dan qiegħed isir għax tant kellna ittri uffiċjali eżekuttivi tul dawn l-aħħar sentejn, li qam il-bżonn li dan jiġi ntrodott u mplimentat.
It-Tielet, li b’emenda oħra li saret, kawżi sabiex jattakkaw il-validità ta’ rendikonti ta’ amministrazzjoni ġewwa l-kondominji, flok isiru fil-Qorti issa ser jibdew isiru fiċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ. Dan ukoll qiegħed isir wara li s-sena l-oħra daħħalna fis-seħħ il-miżura li biha, kull kwistjoni li hija marbuta ma’ kondominji, issir fiċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ. Ma kienx qiegħed jagħmel sens li l-vantaġġ taċ-Ċentru, għalkemm kien disponibbli għal diversi ħwejjeġ oħra, baqa’ mhux disponibbli f’każijiet ta’ rendikonti ta’ amministrazzjoni.
Ir-Raba’, daħlu fis-seħħ numru ta’ emendi fl-Att dwar l-Arbitraġġ li ser jagħmlu l-ħajja iktar faċli hemm ġew, speċjalment f’każijiet ta’ inċidenti tat-traffiku. Issa huwa possibbli li jiġu nominati kuraturi għan-nom ta’ nies assenti; u t-tieni, li qed jiġi permess l-intervent ta’ kumpanniji ta’ assigurazzjoni u persuni oħra li jista’ jkollhom interess f’każ li jieħdu sehem fl-arbitraġġ partikolari.
Dawn huma kollha miżuri li għandhom jissudaw dak li sar fl-aħħar sentejn ta’ din l-amministrazzjoni. Fil-fatt, irrid nirreġistra magħkom żieda qawwija fix-xogħol ġudizzjarju u fil-Qorti. Dan qed jidher f’numru ta’ setturi. B’mod partikolari, wieħed jista’ jinnota dan fl-ittri uffiċjali.
| i) | Dan qed jingħad għax fis-sena 2004 kellna 12,271 ittra uffiċjali preżentata, filwaqt li fis-sena 2005 ġew preżentati 15,521 ittra uffiċjali. Dan ifisser żieda ta’ 26%. |
| ii) | Irid jingħad ukoll li fl-ittri uffiċjali eżekuttivi fuq il-kambjala, mit-382 li ġew ippreżentati fis-sena 2004, fis-sena 2005 ġew ippreżentati 590. Dan ifisser li f’dawn is-sentejn kellna 972 persuna li ħadet sentenza fi żmien qasir ta’ ġimgħatejn/xahar. |
| iii) | Interessanti wkoll li fuq l-ittri uffiċjali eżekuttivi għal debiti ta’ taħt il-Lm5,000, fis-sena li għaddiet ġew ippreżentati 1,429, jiġifieri volum ta’ 25% tal-kawżi li soltu jiġu preżentati l-Qorti. |
| iv) | L-istess għandu jingħad għax-xogħol li issa daħal fiċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ, fejn mit-30 każ li kellna fis-sena 2004, is-sena l-oħra – dejjem frott ir-riformi li saru – tlajna għall-figura ta’ 350. |
Fil-fatt fis-sena 2005, jekk wieħed jara l-kawżi li ġew preżentati u l-ittri uffiċjali eżekuttivi jsib li kien hemm 7,140 każ li b’xi mod tressaq quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, Qrati tal-Maġistrati, Tribunali għal Talbiet Żgħar u ċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ - jiġifieri żieda ta’ 40% fuq dak li kellna fis-sena ta’ qabel.
L-effett ta’ dan kollu ma kienx ta’ żieda fil-kawżi pendenti iżda ta’ tnaqqis. Fil-fatt, minkejja li żdied ix-xogħol, rajna li fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili l-kawżi pendenti mis-sena 2004 għas-sena 2005 naqsu minn 8,251 għal 7,092. Dawk quddiem il-Qrati tal-Maġistrati, minn 1,725 naqsu għal 1,416 u dawk tat-Tribunali għal Talbiet Żgħar naqsu minn 2,178 għal 1,843. Dan ifisser li quddiem dawn it-Tribunali, minn 12,154 issa nżilna għal 10,351, jiġifieri tnaqqis ta’ 12%.
Dawn huma riżultati nkoraġġanti li jkomplu jissodawna f’din il-ħidma mportanti sabiex is-settur tal-Ġustizzja jitjieb.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950