KONFERENZA F’GĦELUQ IT-TIENI ANNIVERSARJU ORGANIZZATA MILL-KUMMISSJONI NAZZJONALI GĦALL-PROMOZZJONI TA’ L-UGWALJANZA (KNPU)
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza illum organizzat Konferenza f’għeluq it-tieni sena mit-twaqqif tagħha fl-Universita’ fis-Sala Sir Temi Zammit. Fil-konferenza ġie ppreżentat ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni għas-sena 2005 flimkien ma’ l-inawgurazzjoni tal-website il-ġdida, li hija meqjusa bħala mezz ta’ informazzjoni għall-pubbliku.
Fid-diskors tagħha, l-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali, tkellmet dwar l-impenn tal-Gvern sabiex jilħaq parteċipazzjoni bilanċjata bejn il-ħaddiema nisa u rġiel f’pożizzjonijiet ta’ deċiżjoni kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, u anke biex iħeġġeġ il-bilanċ tas-sessi fid-djalogu soċjali. Miżuri bħal faċilitajiet ta’ childcare, kundizzjonijiet ta’ xogħol favur il-familja, siegħat ridotti u flessibli, leave tal-maternita’, leave tal-ġenituri u leave speċjali, flimkien mal-kodiċi ta’ prattika fuq fastidju sesswali, huma kollha punti mportanti biex permezz tagħhom tista’ tintlaħaq l-ugwaljanza, tenniet il-Ministru.
“Il-KNPU emfasizzat il-bżonn illi nħarsu l’hinn mil-liġi u l-policies u niffukaw fuq l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tal-komunita’. Dan huwa mod ta’ kif jista’ jiġi nvolut settur akbar tal-popolazzjoni. Dan huwa xogħol ta’ sfidi kbar li l-Kummissjoni għamlet, iżda sfidi li jiena konvinta li l-KNPU kapaċi twettaq,” kompliet tgħid l-Onor. Cristina.
Dr Janet Mifsud, il-Kummissarju tal-KNPU, emfasizzat il-punti ewlenin ta’ referenza tal-Kummissjoni u kif il-Kummissjoni żviluppat l-istrateġiji tax-xogħol tagħha. Dr Mifsud tkellmet fuq il-pjanijiet tal-Kummissjoni għall-futur immedjat, fosthom hi xtaqet tinkludi l-istudji dwar l-implikazzjonijiet ta’ gender rigward is-sistema tat-taxxa, sigurta’ soċjali u r-raġunijiet ta’ l-ekonomija s-sewda. “Il-KNPU se tassisti l-awtoritajiet sabiex tassigura li l-gender mainstreaming jifforma parti ta’ l-analiżi, formulazzjoni u monitoraġġ tal-policies, programmi u l-proġetti kollha.”
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ l-KNPU, Ms Sina Bugeja tat ħarsa lejn ir-Rapport Annwali ta’ l-2005, u qalet illi “oġġettiv importanti ta’ l-KNPU huwa li jassigura li l-Att 1 ta’ l-2003 (Kap 456) jiġi fil-fatt implementat. Barra li jkun hemm monitoraġġ u interventi bħala proċedura regolari, l-KNPU tirċievi wkoll ilmenti minn individwi li jħossu li ġew iddiskriminati minħabba s-sess jew ir-responsabbilta’ illi għandhom fi ħdan il-familja”. Ir-Rapport Annwali jinsab fuq is-sit ta’ l-Internet tal-Kummissjoni: http://www.equality.gov.mt, dettalji illi ġew mogħtija mingħand Mr. Silvan Agius.
It-tieni parti tal-Konferenza kienet tinkludi żewġ workshops, fejn il-parteċipanti ddiskutew ir-rwol tar-raġel rigward l-ugwaljanza tas-sessi, u modi alternattivi ta’ arranġamenti tax-xogħol. Ms Anna Borg mill-ETC, u l-Prof. Godfrey Baldacchino, kienu l-kelliema ewlenin fil-workshops.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950