Kważi lest ir-restawr fuq statwa ta’ 120 sena fix-Xlendi
Ix-xogħol ta’ restawr fuq l-istatwa ta’ Sant’Andrija fix-Xlendi kważi lest, wara xhur ta’ xogħol bir-reqqa magħmul minn ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex.
Ix-xogħlijiet, li nbdew f’Settembru 2005, kienu jinvolvu t-tneħħija tas-siment u ż-żebgħa li nksiet bihom matul is-snin, biex jerġgħu jinkixfu l-fatizji (features) oriġinali ta’ l-istatwa. Waqt din il-fażi tax-xogħlijiet, irriżulta li l-figura oriġinali ta’ Sant’Andrija kienet probabilment tħalliet fuq il-ġebla, protetta biss b’layer ta’ żejt tal-kittien, waqt li s-salib kien ingħata l-kulur – mhux il-kisja bajda li biha kienet mgħottija għal dawn l-aħħar snin. Ir-restawraturi qabblu żebgħa apposta biex l-istatwa terġa’ tingħatalha d-dehra li hija maħsuba li l-istatwa kellha oriġinarjament 120 sena ilu. Partijiet estensivi mill-istatwa li kienu ġarrbu ħsara mhux ħażin issewwew filwaqt li l-istatwa ġiet ikkonsolidata u finalment ingħatat il-kulur.
L-aħħar fażi tax-xogħlijiet meħtieġa fuq din l-istatwa mistennija jiġu fi tmiemhom fil-ġimgħat li ġejjin. Għalkemm l-istatwa u l-pedestall tal-ġebel ġew mogħtija diversi kisjiet ta’ żebgħa u/jew tikħil matul is-snin, din kienet l-ewwel darba li hawnhekk sar xogħol intensiv ta’ restawr.
L-istatwa kienet ġiet inawgurata f’Ġunju 1882 mill-Isqof t’Għawdex Mons. Giovanni Maria Camilleri. Sant’Andrija huwa l-qaddis patrun għas-sajjieda.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr saru mill-ħaddiema tad-Dipartiment għall-Proġetti u Żvilupp fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Munxar, li huwa responsabbli għall-bajja tax-Xlendi.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950