IL-MINISTRU AUSTIN GATT IŻUR IL-POWER STATION TA’ DELIMARA BIEX JIRRANGRAZZJA LILL-ĦADDIEMA TA’ L-ENEMALTA GĦAX-XOGĦOL TAGĦHOM
Il-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni Austin Gatt illum żar l-impjant tal-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku ta’ Delimara fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u l-management li jaħdmu f’dan l-impjant.
Il-Ministru għamel din iż-żjara biex personalment jirringrazzja lill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta għax-xogħol tagħhom biex jassiguraw provvista kostanti t’elettriku fid-djar u l-faċilitajiet industrijali Maltin, anke matul iż-żminijiet tal-festi. Iż-żminijiet tal-festi stess normalment ifissru żieda fid-domanda ta’ l-elettriku li tkun teħtieġ azzjonijiet immedjati mill-Korporazzjoni biex tassigura provvista kostanti.
Il-Ministru Gatt irringrazja wkoll lill-Management tal-Korporazzjoni għall-ippjanar effettiv li għamel biex jipprovdi għad-domanda ta’ l-elettriku li wassal għar-riżultati tal-lum.
S’issa matul dan l-istaġun (bejn Ottubru u Diċembru 2005) id-domanda għall-elettriku kienet ta’ 2.4% fuq l-istess perjodu ta’ l-2003.
Il-Ministru Gatt spjega kif il-Korporazzjoni ħejjiet pjan fit-tul għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku biex fil-futur tkompli tilqa’ għal kull żieda fid-domanda mid-djar u l-industriji Maltin. Dan il-pjan irid jaħseb ukoll biex itejjeb l-effiċjenza ta’ l-impjanti tal-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku li jbatu l-aktar minħabba li f’Malta l-konsum matul il-jum u bil-bosta akbar mill-konsum bil-lejl u għad s’issa ma jeżistux inċentivi biex iħajru konsum industrijali akbar bil-lejl.
Jekk isir dan iċ-ċaqlieq fir-rati tal-konsum, spjega l-Ministru Gatt, il-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku ssir aktar effiċjenti li jkun ifisser li biex jiġi ġġenerat aktar elettriku jkun hemm anqas infieq fi żjut.
Il-programm tal-Gvern għall-futur ta’ l-impjanti tal-ġenerazzjoni jinkludi wkoll il-possibilità li l-Korporazzjoni ssib sieħeb strateġiku li jaqsam magħha l-kapaċità xjentifika li għandha bżonn għall-futur.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru Austin Gatt kien akkumpanjat miċ-Chairman tal-Korporazzjoni Alex Tranter u d-Diretturi l-oħra tal-Korporazzjoni.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950