Xogħlijiet infrastrutturali għall-proġett ta’ faċilita’ ġdida għall-istudji turistiċi f’Għawdex
Is-sejħa għall-offerti għal xogħlijiet infrastrutturali għall-proġett tal-faċilita’ ġdida għal taħriġ fl-istudji turistiċi f’Għawdex, ġiet pubblikata u tagħlaq lejn nofs ix-xahar id-dieħel. Ix-xogħol infrastrutturali meħtieġ huwa dak ta’ twaqqiegħ u bini mill-ġdid. Il-faċilita’ se tinbena fis-sit li preżentament huwa okkupat miċ-Ċentru ta’ l-Istudji Turistiċi (ITS) fil-Qala.
It-tender ippubblikata, issejjaħ għal offerti minn kumpaniji lokali biex jissottomettu l-offerti tagħhom għax-xogħlijiet infrastrutturali meħtieġa. Il-parti l-kbira taċ-ċentru preżenti ta’ l-ITS fil-Qala se titwaqqa’ biex minflokha, jitla’ kumpless li joffri faċilitajiet moderni għal taħriġ fil-catering u fl-ospitalita’.
Il-proġett jinvolvi l-investiment ta’ €1.3 miljun, b’75% minnhom investiti direttament mill-Unjoni Ewropea. Il-faċilita’ se tinkludi ristorant, bar, kċejjen għal taħriġ, laundry u faċilitajiet għall-housekeeping fost l-oħrajn. Dan il-kumpless ġdid se jkun qed joffri l-possibilita’ li jiġu organizzati diversi korsijiet fuq livell prattiku f’Għawdex inkluż korsijiet li jibdew jiġu offruti għall-ewwel darba.
Id-deċiżjoni li dan l-investiment qawwi jmur għat-taħriġ ta’ iktar ħaddiema għas-settur turistiku ttieħdet mill-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti f’Għawdex, imwaqqaf mill-Ministeru għal Għawdex fl-2004. Il-pjanti meħtieġa ġew ippreparati u l-permess mill-MEPA ġie akkwistat. Sejħa għall-offerti marbuta mat-tmexxija tal-proġett u d-diżinn ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi wkoll kienet ġiet ippubblikata iktar kmieni din is-sena, bl-evalwazzjoni jiġi mitmum f’Awissu.
Ix-xogħlijiet infrastrutturali fuq dan il-proġett mistennija jibdew wara li s-sejħa għall-offerta ppubblikata iktar kmieni dan ix-xahar, tgħalaq u l-offerti mitfugħa jiġu evalwati. Il-faċilita’ l-ġdida ta’ taħriġ mistennija tkun lesta sa l-aħħar ta’ Marzu 2007.
Sadanittant, l-istudenti u l-ħaddiema li jixtiequ jkomplu bit-taħriġ tagħhom fl-industrija tat-turiżmu se jiġu pprovduti b’ċentru alternattiv sakemm il-proġett jitwettaq.
It-twettieq ta’ dan il-proġett se jsir permezz tal-Fondi Strutturali għal Malta 2004-2006, taħt il-Fond għal Żvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF).
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950