Left arrow Go Back

Insaħħu s-Sistema MATSEC

pr1868
Date Icon 22/12/2005

B’ referenza għal dak li ntqal fl-editorjal ta’ “l-Orizzont” ta’ llum, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni jixtieq jiċċara ċerti punti biex kulħadd ikun infurmat tajjeb: 

“Filwaqt li hu tajjeb li jkun hawn diskussjoni dwar ir-Reviżjoni tal-MATSEC u r-rakkomandazzjonijiet li għandu quddiemu l-Gvern,  huwa daqstant importanti li din id-diskussjoni tkun ibbażata fuq il-fatti u fuq ir-riċerka li jinsabu fir-rapport, u mhux fuq l-għajdud u l-perċezzjonijiet.   

Wieħed irid joqgħod attent li ma jasalx għal konklużjonijiet żbaljati.  Filwaqt li hemm rieda li kulħadd jilħaq il-milja tiegħu u kemm jista’ jkun, ikun hemm sistema ta’ ċertifikazzjoni li biha kulħadd ikun jista’ juri x’inhuma l-kompetenzi tiegħu, ikun żball jekk wieħed jikkonkludi li min mhux qed joqgħod għall-eżamijiet tas-SEC jew tal-MATSEC, m’għandhux ħiliet jew saħansitra huwa illitterat.   

Dan mhux minnu.  Hemm min, għalkemm ikun kapaċi jikteb u jaqra u jista’ jagħmel dawn l-eżamijiet, għal xi raġuni jew oħra, jagħżel li ma jagħmilhomx.  Dan la jfisser li hu illitterat u lanqas li m’għandhux ħiliet.   

Ir-rapport dwar il-MATSEC jidħol fid-dettall ta’ dawn il-kwistjonijiet li jirrigwardaw dawk li ma joqgħodux għall-eżamijiet u dawk li ma jgħaddux.   

L-ewwel nett jirrakkomanda li l-eżamijiet isiru aktar tard, biex l-aħħar sena qabel l-eżami, tkun waħda sħiħa. Dan għandu jwassal biex ikun hemm preparazzjoni aktar soda għall-eżami u anqas pressjoni fuq l-istudenti fil-bqija tas-sena.   

It-tieni jirrakkomanda li jkun hemm aktar eżamijiet vokazzjonali – li għandhom iħajjru lil dawk l-istudenti li għandhom xeħta vokazzjonali.   

U t-tielet rakkomandazzjoni hi li jkun hemm sistema ta’ ċertifikazzjoni fil-ħiliet bażiċi fil-Malti, l-Ingliż, fil-Matematika, fix-Xjenza u fit-Teknoloġija ta’ l-Informatika – eżamijiet li jsiru fuq il-kompjuter.  

Hu kompletament żbaljat li wieħed jgħid li l-illitteriżmu qiegħed jikber.  Il-ġurnal ”l-Orizzont”  ikun qed jisgwida lill-qarrejja tiegħu meta jgħid hekk, u jippreżenta dan bħala fatt.  Minn fejn jirriżulta dan il-“fatt”?  Liema studju qed jikkwota ”l-Orizzont”?  Il-fatti huma bil-kontra u dan jikkonfermawh l-istudji li saru fuq dan is-suġġett, kemm dak li sar lokalment fl-1999 u fl-2002, mil-Literacy Unit u d-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni, kif ukoll studji internazzjonali li jqabblu lil pajjiżna ma’ pajjiżi oħrajn.   

Il-fatti juru li l-illitteriżmu fost il-popolazzjoni tagħna hu wieħed mill-iżgħar fid-dinja (7.7 % fost l-adulti – UNHDR 2003) u li fost iż-żgħażagħ u t-tfal hemm livelli itjeb ta’ litteriżmu, jiġifieri li l-illitteriżmu hu aktar baxx (1.4 % fost iż-żgħażagħ – UNHDR 2003).  Madankollu, il-Ministeru jaqbel ma’ ”l-Orizzont” li m’għandu qatt ikun kuntent sakemm ikun hemm min qed joħroġ mis-sistema edukattiva mingħajr ħiliet bażiċi għall-ħajja u għad-dinja tax-xogħol. 

Il-gurnal ”l-Orizzont” jgħid li huwa ovvju għaliex numru ta’ studenti ma joqgħodux għall-eżamijiet u jagħti l-opinjoni tiegħu.  Meta qed titkellem dwar firxa hekk differenti ta’ studenti b’sitwazzjonijiet u kundizzjonijiet diversi, qatt ma tista’ toqgħod fuq l-ovvju u fuq opinjoni suġġettiva.   

Biex inkomplu nsaħħu s-sistema ta’ l-eżamijiet MATSEC, irridu nagħmlu analiżi dettaljata, nużaw ir-riċerka li saret u nagħmlu r-riċerka tagħna, naraw x’qed jiġri f’pajjiżi oħra u niddiskutu ma’ dawk kollha nvoluti dwar kif din is-sitema ta’ l-eżamijiet tista’ tkompli titjieb.   

Dan hu x’qed jagħmel il-grupp ta’ ħidma mmexxi minn Dr. Grace Grima.  Ir-rapport ta’ dan il-grupp hu wieħed riċerkat sew b’rakkomandazzjonijiet li huma bbażati fuq din ir-riċerka. Tajjeb għalhekk li meta niġu biex niddiskutu, nużaw ir-riċerka li saret u li hi ppublikata f’dan ir-rapport, biex id-diskussjoni tkun waħda produttiva u li tibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà hemm”.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow