AKTAR FONDI ASSIGURATI GĦAS-SETTURI TA’ L-IŻVILUPP RURALI U S-SAJD GĦAS-SNIN 2007 – 2013
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jinnota b’sodisfazzjon il-fondi allokati għas-setturi ta’ l-iżvilupp rurali u s-sajd mill-pakkett ta’ fondi miksub minn Malta għas-snin 2007 sa’ l-2013.
Mill-pakkett miksub minn Malta, €72 miljun minn €805 miljun, huma allokati għas-setturi ta’ l-iżvilupp rurali u s-sajd.
Dan huwa vot ta’ fiduċja ieħor fil-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin u Għawdxin li minbarra l-għajnuna u s-sussidji li qed jibbenefikaw minnhom bħala riżultat tan-negozjati tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, issa jistgħu wkoll iħarsu ’l quddiem lejn allokazzjoni ta’ fondi ġodda li wkoll għandhom assiguraw futur sostenibbli għal dawn is-setturi tant importanti.
B’reazzjoni għal din l-allokazzjoni l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino qal li din hija prova oħra ta’ kemm il-Gvern iqis l-interess tal-bdiewa, raħħala u sajjieda u kemm kien għaqli meta ddeċieda li post Malta huwa fl-Unjoni Ewropea u li din id-deċiżjoni issa qed tissarraf f’mod tanġibbli għall-benefiċċju tal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Pullicino qal li l-Ministeru diġà beda bil-ħidma biex ikun żgurat li dawn il-fondi jintużaw bl-aħjar mod, b’tali mod li jħallu l-akbar benefiċċju possibbli u jwasslu biex ikun żgurat futur sostenibbli u sisien sodi għan-nies li jgħixu minn dawn is-setturi.
George Pullicino qal li dawn huma fondi li Malta hija eliġibbli għalihom għaliex illum hi membru fl-Unjoni Ewropea. Hu żied jgħid li dan l-iżvilupp għandu jkun inċentiv ieħor biex jingħelbu d-diffikultajiet li inevitabbilment jgħaddu minnhom dawn is-settur u b’hekk il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin u Għawdxin ikunu f’qagħda li jieħdu l-aqwa benefiċċji mill-opportunitajiet li għandhom quddiemhom.
Kieku pajjiżna għażel li ma jidħolx fl-Unjoni Ewropea u mar biss għal ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ l-Unjoni Ewropea, il-bdiewa, raħħala u sajjieda kien ikollhom jiffaċċjaw importazzjoni xorta waħda, mingħajr sussidji u għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea biex tgħinhom jadegwaw ruħhom għar-realtà l-ġdida.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950