Left arrow Go Back

IL-PROMOZZJONI TAS-SETTUR FINANZJARJU TA’ PAJJIŻNA

pr1843
Date Icon 16/12/2005

L-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi jirreferi għal ċerti stqarrijiet li saru reċentament fil-media dwar il-ħtieġa ta’ branding għas-settur finanzjarju. Qabel il-budget il-Gvern kien wiegħed lill-operaturi f’dan il-qasam li se jwaqqaf aġenżija speċifica għal dan il-għan. 

Il-marketing tas-settur finanzjarju taħt it-tikketta ‘Finance Malta’ diġà qiegħed isir, għalkemm din it-tiketta għada f’fażi ta’ żvilupp.  Dan it-tip ta’ marketing qed isir b’mod iffukat (targeted) u huwa relatat mill-qrib mal-istrateġija għall-iżvilupp tal-kompetenża u l-kapaċità tal-ħaddiem Malti f’oqsma partikolari, fejn ikun diffiċli li ħaddieħor jikkompetilna. Din l-istrateġija hija deskritta aħjar fid-dokument ‘Agenda for Maltese Finanċial Serviċes in Europe’ li ġie adottat mill-MFSA wara konsultazzjoni estensiva ma’ l-industrija. 

Fost l-iniżjattivi li diġà ttieħdu b’konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tad-diversi assoċjazzjonijiet fis-settur, ġie ukoll żviluppat ‘branding concept’ għal ‘Finance Malta’ li huwa bażat fuq il-kwalitajiet u l-vantaġġi ta’ Malta f’dan is-settur.  Dan il-kunċett diġà ntuża b’suċċess mis-settur ta’ l-insurance li ġie megħjun ukoll biex jattendi networking conferences fil-qasam tal-‘captive insurance’, taħt skema apposta li ġiet imwaqqfa sena ilu, fejn assoċjazzjonijiet jew ażjendi li jidentifikaw niċeċ ġodda li jgħinu fl-iżvilupp tas-settur finanzjarju jingħataw appoġġ sħiħ mill-MFSA biex jisfruttawhom.  Huwa maħsub li iniżjattivi simili jittieħdu wkoll fis-settur bankarju u fis-settur tas-serviżżi ta’ l-investiment. 

Barra minn dan, il-kumpaniji liċenzjati fis-settur finanzjarju ġew involuti mill-qrib f’konferenżi organizzati jew promossi mill-MFSA li servew ta’ ‘showcase’ għal dak li diġà qiegħed jew li jista’ jsir bil-ħila ta’ ħaddiema Maltin. 

Fuq inizjattiva tal-MFSA saru ukoll diversi kuntatti ma’ media internazzjonali speċjalizzata fis-servizzi finanzjarji li qegħda tesponi s-suċċess ta’ Malta f’diversi oqsma tas-settur għal udjenża b’potenżjal li tinvesti f’Malta. 

Għaldaqstant, għalkemm m’għandha ebda struttura formali, it-tikketta ‘Finance Malta’ diġà qed isservi ta’ pjattaforma għall-diversi inizjattivi li qed jittieħdu biex jippromwovu b’mod sostenibbli lil Malta fil-qasam finanzjarju. 

Aktar inizjattivi qed jiġu ppjanati, dejjem fil-kuntest li ‘Finance Malta’ hija tikketta bbażata fuq il-kwalità iktar milli fuq il-kwantità, fis-sens illi permezz ta’ sforżi paralleli fl-iżvilupp tat-taħriġ u tal-kompetenżi professjonali u kummerċjali, kif ukoll fl-iżvilupp tar-regolazzjoni u tas-settur b’mod komprensiv, taħseb biex Malta tilħaq livell ta’ kompetittività sostenibbli f’settur li huwa mill-iktar speċjalizzat.  

B’riżultat ta’ din il-ħidma ffukata u mill-qrib bejn l-MFSA, istituzzjonijiet oħra pubbliċi u assoċjazzonijiet fis-settur privat, it-tikketta ‘Finance Malta’ (jew, kif bdiet oriġinarjament, “Financial Services Malta”)  tidher li diġà bdiet tikseb ir-riżultati mixtieqa. 

Waqt li saru suġġerimenti lill-Gvern biex titwaqqaf aġenżija ġdida biex tippromwovi s-servizzi finanzjarji, f’dan l-istadju l-Gvern irid iqies l-spejjeż amministrattivi addizzjonali li tali struttura tkun tirrikjedi, komparati mal-volum akbar ta’ xogħol li nistgħu nattiraw lejn xtutna b’mod sostenibbli; u jekk huwiex gustifikat li parti mill-budgets li qed jiġu ddedikati (u li jistgħu fil-futur jigu ddedikati għall-iżvilupp tas-settur) jintużaw fit-twaqqif u l-amministrazzjoni ta’ din l-istruttura l-gdida. 

Għandu wkoll jitqies jekk it-twaqqif ta’ entità gdida indipendenti jistax, filwaqt li jagħmel iktar aċċenn fuq l-aspett ta’ bejgh (selling u advertising), iwassal ghal distakk ta’ dan it-tip ta’ marketing minn aspetti oħra importanti, bħal m’huma r-riċerka u l-iżvilupp tal-prodott li qed isiru (u li hemm bżonn li jsiru) fi ħdan l-MFSA biex nibqgħu nipprovdu l-aħjar prodott kemm f’sens regolatorju u kemm f’termini ta’ kompetittività. Kwalunkwe distakk ta’ dan it-tip ċertament ikun ta’ detriment għall-miri ta’ pajjiżna f’dan il-qasam. 

Filwaqt li l-Gvern lest li jiddiskuti u jevalwa proposti li jsiru mis-settur biex inkomplu nkattru l-interess u l-attività f’dan is-settur, il-Gvern irid ikompli jassigura li fid-dawl ta’ suċċessi ġia miksuba, inkomplu nipproġettaw ruħna u l-prodott li l-ħaddiema tagħna kapaċi joffru, bl-akbar effiċjenża fl-użu tar-riżorsi għad-disposizzjoni tagħna u bl-iktar mod li jirrendi għall-ekonomija u t-tkattir ta’ postijiet ta’ xogħol sostenibbli fit-tul.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow