Left arrow Go Back

HRIGNA BL-UNURI GHAX HDIMNA FLIMKIEN

pr1824
Date Icon 12/12/2005
Diskors mill-Ministru għat-Turiżmu u KulturaFrancis Zammit Dimech waqt l-MHRA Gala Dinner fil-Meridien Phoenicia , Floriana
Is-senali waslet biex tispiċċa kienet waħda partikolari għat-turiżmu.  Kienet is-sena tar-ristrutturar ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta , is-sena li fiha tnieda l-proċess tal-Branding ta’ Malta kif ukoll is-sena li fiha Malta organizzat il-Commonwealth Heads of Government Meeting u l-European Tourism Forum.
Il-laqgħataċ-CHOGM kif ukoll il-European Tourism Forum kienu żewġ opportunitajiet għal pajjiżna biex nuru x’kapaċi nagħmlu, biex nuru l-ħila tagħna biex nospitaw attivitajiet kumplessi taħt il-lenti ta’ l-istampa internazzjonali.  Bla ebda dubju ta’ xejn ħriġna bl-unuri.  Ħriġna bl-unuri għaliex ħdimna flimkien bl-interess tal-pajjiż quddiemna.  Jien kelli l-opportunità li nieħu sehem f’numru ta’ laqgħat ma’ entitajiet privati u ma’ organizzazzjonijiet bħall-MHRA minħabba dawn iż-żewġ avvenimenti.  Li laqatni f’dawn il-laqgħat kien kemm hu iżjed faċli f’li issib l-aħjar soluzzjoni meta kulħadd ikun qed jiġbed ħabel wieħed.  Naħseb il-prosit li qalgħet Malta wara dawn iż-żewġ avvenimenti huwa frott ta’ din il-ħidma kommunitarja tagħna.
Danl-ispirtu għandna nżommuh anke fil-proċess tar-ristrutturar u fil-proċess tal-branding.  Dawn huma żewġ inizjattivi li twieldu minn suġġerimenti tagħkom.  Huma suġġerimenti li l-Gvern ħa bis-serjetà, suġġerimenti li ma baqgħux fil-moħħ jew fuq il-karta imma li qed jiġu implimentati.  L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Diċembru ta’ din is-sena hija radikalment differenti mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Jannar li għadda.  Kelli okkażżjonijiet u se jkolli okkażżjonijiet aktar idoneji minn tal-lejla sabiex nitkellem fuq l-effetti ta’ dak li qiegħed jiġri b’riżultat ta’ dawn il-bidliet.  Li nixtieq nemfasizza l-lejla hu li nkunu rnexxejna f’dan il-proċess biss jekk inkun irnexxilna nġibu lill-mutur ta’ l-industrja jaħdem b’mod iżjed effettiv u effikaċi.  Indikazzjonijiet li mexjin f’din id-direzzjoni diġà bdew ħerġin.  Żgur li l-effetti tal-bidliet se jinħassu aktar fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Il-Branding huwa wkoll proċess li rridu nagħmlu flimkien.  Meta niġu biex insemmgħu leħinna fil-media internazzjonali, meta niġu sabiex nikkompetu bil-vuċi tagħna kontra l-vuċijiet tal-kompetituri tagħna aħna għandna żvantaġġ.  Huma għandhom vuċi aktar b’saħħitha anke jekk mhux isbaħ minn tagħna.  Insemmi biss per eżempju li waqt laqgħa li kelli ma’ Ministru tat-Turiżmu ta’ pajjiż kompetitur tagħna dan staqsieni x’fondi għandha l-Awtorità tat-Turiżmu tagħna għad-dispożizzjoni tagħha.  Meta għidtlu qalli li huma jonfqu l-istess ammont biss fuq reklamar dirett.  Ir-realtajiet tal-pajjiż huma li huma.  Id-daqs ta’ pajjiżna u r-riżorsi li għandna mhumiex se jinbidlu għalhekk irridu niżguraw li nużaw dak li għandna bl-aħjar mod.  Il-proċess tal-Branding se jgħinna nagħmlu dan.  Jiena nawgura li dan il-proċess, immexxi mill-Awtorità u li għalih il-Gvern din is-sena vvota s-somma inizjali ta’ nofs miljun lira, ikompli miexi ’l quddiem bl-involviment u l-parteċipazzjoni ta’ l-industrija partikolarment ta’ l-MHRA.

Fid-diskors li għamilt fil-laqgħa annwali ta’ l-MHRA għidt li l-Gvern, bħall-investitur privat, qiegħed jinvesti fit-turiżmu għax jemmen li dan is-settur irendi.  Sabiex inkattru dan ir-ritorn iridu nkomplu naħdmu flimkien.  Naf li din hija wkoll il-filosofija ta’ l-MHRA u għalhekk ngħid li r-relazzjoni tajba li l-Gvern għandu ma’ din l-Assoċjazzjoni se tkompli tissaħħaħ fil-futur.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  €1.16 million to strengthen the resilience of coastal wetlands

PR261949en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  €1.16 miljun biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi mistagħdra kostali

PR261949

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow