Opportuniżmu li qed iwassal għal ambigwita’
pr1496
15/10/2005
| Il-Ministeru | għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jistqarr li l-opportuniżmu ta’ l-Alternattiva Demokratika dwar l-impjant ta’ riċiklaġġ f’Wied il-Għajn qed iwassal għal ambigwita’. |
| L-istess | Alternattiva Demokratika li llum waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, irriaffermat l-appoġġ tagħha lill-Front kontra l-impjant ta’ Sant’Antnin, kienet ikkonsultata u qablet mal-proposta ta’ l-Istrateġija Nazzjonali ta’ l-Iskart ta’ l-2001. Dik l-istrateġija kienet tgħid ċar u tond, li l-iskart kollu ġġenerat f’Malta u Għawdex kellu jiġi ttrattat fl-impjant ta’ Sant’Antnin. |
| Din | hija wkoll l-istess Alternttiva Demokratika li fil-manifest elettorali ‘Nifs Ġdid, Nifs Nadif’ ippubblikat għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet, iddikjarat li ‘għandu jkun żgurat tar-riċiklaġġ ta’ l-iskart organiku solidu f’Sant’Antnin ikun immodernizzat biex jilqa’ għall-isfidi ta’ programm serju u mifrux ta’ riċiklaġġ’ (punt numru 394). |
| Jekk | l-Alternattiva Demokratika qablet mal-kunċett li l-impjant ta’ Sant’Antnin jieħu l-iskart kollu u wara pproponiet immodernizzar ta’ l-impjant, kif tista’ qatt tispjega l-fatt li llum hi msieħba ma’ Front li qed jopponi mpjant li se jkun modernizzat b’investiment ta’ €17-il miljun u li se jieħu biss terz ta’ l-iskart iġġenerat f’pajjiżna? Ta’ min ifakkar ukoll li bil-proposti l-ġodda, l-impjant ta’ Sant’Antnin se jkun ukoll impjant li jiġġenera enerġija rinnovabbli, kunċett li l-Alternattiva Demokratika iddikjarat kemm il-darba li taqbel miegħu. |
| Ir-raġuni | għal din l-ambigwita’ hija l-opportuniżmu ta’ l-Alternattiva Demokratika li qed tieħu din il-pożizzjoni fi sforz biex tirbaħ ftit voti. |
| Għar-rigward | tad-dubji li l-Alternattiva Demokratika esprimiet dwar il-proċess ta’ l-għażla tas-sit għall-impjant ta’ Sant’Antnin, il-Ministeru jirriafferma li dan kien proċess trasparenti u miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika u li matulu kulħadd, inkluż l-Alternattiva Demokratika, tat is-sehem tagħha. |
| Ir-rapport | dwar l-għażla tas-sit ta’ l-impjant ta’ Sant’Antnin, li sar minn konsulenti indipendenti, ma kkunsidrax biss id-daqs ta’ l-impjant imma ta wkoll kunsiderazzjoni importanti lil numru ta’ punti oħrajn bħalma huma fatturi ekoloġiċi, l-impatt fuq l-agrikultura, l-impatt viżiv, l-aċċessibilita’ u jekk iż-żona proposta hijiex żviluppata. F’dan il-kuntest ta’ min ifakkar li s-sit fejn qed ikun propost it-titjib huwa diġa’ wżat bħala faċilita’ għat-trattament ta’ l-iskart u b’hekk diġa’ jeżisti impatt. |
| Il-Ministeru | għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent itenni l-appell biex quddiem proġetti li għandhom iwasslu għal titjib fil-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu, kulħadd iwarrab l-opportuniżmu u l-partiġġjaniżmu. Il-Ministeru hu determinat li jara li t-titjib propost għall-impjant ta’ Sant’Antnin jitwettaq u dan fl-aħjar interess ta’ kulħadd, speċjalment tar-residenti ta’ l-inħawi. |
Other Press Releases:
PR261948
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...
PR261947