Left arrow Go Back

Ko-ordinaturi għall-Kulleġġi l-Ġodda Magħżulin

pr1406
Date Icon 03/10/2005
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol,Dr Louis Galea ħabbar il-Ko-ordinaturi ta’ l-erba’ proġetti pilota fir-riforma edukattiva.  Dawn il-proġetti pilota jikkonsistu fit-twaqqif tal-Kulleġġ tal-Kottonera, il-Kulleġġ ta’ Għawdex, il-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop, u n-‘networking’ bejn l-iskejjel speċjali flimkien mat-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ‘Spiteri’.
Is-SurGeorge Borg huwa l-Ko-ordinatur ta’ l-iskejjel speċjali u l-edukazzjoni nklussiva, is-Sur Frank Gatt il-Ko-ordinatur tal-Kulleġġ ta’ Għawdex, is-Sinjorina Salvina Muscat se tkun il-Ko-ordinatriċi tal-Kulleġġ tal-Kottonera, u s-Sinjorina Marilyn Sciortino, il-Ko-ordinatriċi tal-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop.
L-erba’Ko-ordinaturi huma kollha edukaturi ta’ esperjenza twila fil-qasam edukattiv, l-aktar fit-tagħlim fil-klassijiet u tmexxija ta’ skejjel u ntgħażlu wara sejħa għal applikazzjonijiet. Il-Ko-ordinaturi, li huma Assistenti Diretturi fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, ingħataw inkariku (assignment) għal perjodu ta’ tnax-il xahar bl-iskop li jmexxu l-proġett fdat lilhom.
Il-proġettpilota se jitwettaq tul din is-sena skolastika u se jibda jimplimenta diversi elementi ewlenin tar-riforma.  Waqt din is-sena se jkun hemm evalwazzjoni bl-iskop li titħejja aħjar t-tieni fażi  tat-twettiq tar-riforma.  Il-mira ta’ dawn l-iżviluppi hi titjib fil-kwalità ta’ edukazzjoni li noffru lit-tfal Maltin u Għawdxin.  Il-Ministru Galea spjega li filwaqt li se jibda l-proġett pilota, se jkompli l-proċess ta’ diskussjoni ma’ dawk involuti, inkluż n-negozjati ma’ l-unjon ta’ l-għalliema, l-MUT.  Ir-rwol tal-Ko-ordinatur fil-proġett pilota se jwitti t-triq għall-introduzzjoni tal-pożizzjoni ta’ Prinċipal fil-Kulleġġi.
Il-MinistruLouis Galea ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se joħorġu sejħiet għall-applikazzjoni għall-amministraturi u ‘precincts officers’ fil-Kulleġġi.  L-introduzzjoni ta’ dawn iż-żewġ karigi se tfisser li l-Ko-ordinaturi flimkien mal-Kapijiet ta’ l-iskejjel se jkunu jistgħu jikkonċentraw aktar fuq ir-rwol tagħhom ta’ mexxejja edukattivi.  Il-Ministru Galea sostna l-ħtiega li jkun hemm aktar sorveljanza tal-proċessi u l-kwalità tat-tagħlim fil-klassi bl-iskop li jsiru magħrufa aħjar l-appoġġ u d-direzzjoni li l-għalliema jkollhom bżonn. B’hekk jogħla l-livell ta’ tagħlim, jiggwadanja l-istudent.
Il-Ko-ordinaturse jkun ibbażat fl-iskejjel li jikkostitwixxu l-Kulleġġ mmexxi minnhom u se jibdew jintroduċu l-kunċett ta’ ‘networking’ biex il-ħidma ta’  l-iskejjel issir aktar qrib ta’ xulxin, bi skambju ta’ l-esperjenzi pożittivi u anke dawk negattivi, sejbien ta’ soluzzjonijiet flimkien, u b’użu aħjar ta’ riżorsi bl-iskop li jiżdiedu s-servizzi edukattivi offruti lill-istudenti.
Il-MinistruGalea spjega li l-Ko-ordinaturi huma kollha nies uffiċjali kompetenti fil-qasam edukattiv u jistgħu jkunu ta’ għajnuna  u ta’ appoġġ tekniku lill-Kapijiet fit-tifsil u twettiq tal-pjan ta’ kull skola.  Il-Ko-ordinatur se jkun qed jiffaċilita proċess fejn il-Kapjijet ta’ l-iskejjel fil-Kulleġġ jiltaqgħu u jiddentifikaw flimkien il-prioritajiet u jaħdmu biex itejbu l-livell ta’ edukazzjoni.  Din l-esperjenza se tagħti l-ispazju li l-iskejjel jipprovdu servizzi indirizzati aħjar skond il-bżonnijiet tat-tfal f’oqsma diversi.
Il-MinistruGalea spjega li dan il-proġett pilota u diversi proposti oħra fir-riforma se jġib miegħu qabża fil-kwalità ta’ l-edukazzjoni.  Il-mira tar-riforma hi li kull tifel u tifla jimxi minn stadju għall-ieħor fl-esperjenza edukattiva mill-kinder sas-sekondarja bl-anqas skossi possibbli.  Ir-riforma għandha tiffaċilita li l-istudenti jkollhom sillabi ndirizzati aħjar lejn il-ħiliet diversi tagħhom.  “Importanti li lil kull student Malti nipprovdulu programm edukattiv li hu skond il-kapaċita edukattiva tiegħu jew tagħha, u li nagħmlu minn kollox biex kull student jilħaq il-potenzjal massimu,” qal Dr Galea.
Il-Koordinaturihuma mistennija li jieħdu inizzjativi ġodda, jmexxu tim bl-aktar mod effettiv, u li jwasslu għal deċiżjonijiet edukattivi li jtejjbu l-kwalità ta’ l-edukazzjoni provduta.  Il-Ministru Galea spjega kif f’diskors li diġa kellu ma’ l-ogħla awtoritajiet tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, ġew identifikati oqsma li din is-sena se jirċievu attenzjoni partikolari, speċjalment fil-Kulleġġi.  Dr Galea emfasizza li fil-Kulleġġi se jibdew jiġu ntrodotti metodi ġodda ta’ operat u proviżjoni li huma mmirati li jtejbu l-livell ta’ litteriżmu, jżidu l-livell ta’ attendenza fl-iskola, jtejbu id-dixxiplina, u jintroduċu aktar programmi wara l-ħin ta’ l-iskola.
Il-Ministruta’ l-Edukazzjoni żied jgħid li peress li d-deċiżżjonijiet edukattivi se jibdew jittieħdu aktar viċin l-għeruq, għandha tonqos il-burokrazija bla bżonn, jiżdied l-appoġġ fl-iskejjel, u l-aktar importanti  tipprovdi edukazzjoni aħjar lill-istudenti tagħna.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Aktar mediċini mill-Formularju tal-Gvern se jkunu jistgħu jiġu mibdija jew imġedda mit-tobba privati tal-familja

PR261948

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

More Press Releases Right arrow