IN-NIRIEN FIL-FAĊILITÀ GĦAT-TRATTAMENT TA’ L-ISKART F’TA’ ŻWEJRA
pr1206
18/08/2005
| Jekk | ikunu kkonfermati l-ewwel suspetti tad-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili li n-nirien tqabbdu apposta, dan ikompli juri kemm f’pajjiżna għad hawn min ma jimpurtahx la mis-saħħa tal-bniedem u wisq anqas mill-ambjent u li hu lest li jagħmel kollox biex ifixkel u jagħmel ħsara. |
| Dan | qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino f’kummenti li ta waqt li żar il-ħsarat li kienu kkaġunati min-nirien li żviluppaw fil-faċilita għat-trattament ta’ l-iskart f’Ta’ Żwejra. |
| Il-Ministru | Pullicino qal li minn dak li ntqal lilu minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-ewwel suspetti huma li n-nar tqabbad apposta minn terzi persuni. Hu qal li huwa ta’ għajb li waqt li l-Gvern qed jinvesti miljuni kbar ta’ liri biex pajjiżna jkollu faċilitatjiet għall-immaniġġjar ta’ l-iskart ta’ l-ogħla livell għad hawn min għandu biss l-interess li jfixkel il-progress u l-inizjattivi li qed jittieħdu. |
L-Onor. Pullicino fakkar li dan huwa l-aħħar minn sensiela ta’ inċidenti li seħħew f’faċilitajiet ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart f’pajjiżna. Hu qal li dan l-inċident seħħ fil-parti fejn hemm il-faċilita’ l-ġdida f’Ta’ Żwejra fejn qed jinħażnu s-saqqijiet biex ikunu riċiklati minflok ma baqgħu jintremew fil-miżbla ma’ skart ieħor kif kien isir sa’ ftit taż-żmien ilu b’impatt negattiv fuq l-ambjent.
| Il-Ministru | George Pullicino qal li l-Gvern se jkompli jimpenja ruħu biex ikompli jsir l-investiment meħtieġ għal sigurta’ dejjem akbar fil-faċilitajiet għall-immaniġġjar ta’ l-iskart kemm għar-residenti tal-viċinanzi kif ukoll għall-ħaddiema li jaħdmu fihom. Madanakollu, kulħadd irid japprezza li r-realta’ ta’ pajjiżna ma tippermettix li dawn il-faċilitajiet ikunu ‘l bogħod minn żoni residenzjali daqs kemm wieħed ikun jixtieq. |
| Il-Ministru | wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma mwettqa mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Korp tal-Pulizija li wasslu biex dan l-inċident kien kontrollat fl-aqsar ħin possibli. George Pullicino awgura li l-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident jwasslu biex dan il-każ jissolva fi żmien qasir. |
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946